# PPR, regolament 164. Prinċipji dwar l-għoti ta’ kuntratti

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/164 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/164
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt

(1) L-awtoritajiet kontraenti għandhom jiddeterminaw fid-dokumenti tal-akkwist rispettivi r-regoli proċedurali applikabbli fir-rigward ta’ sejħa għal offerti bla ħsara għal dak li hu msemmi fir-regolamenti koperti minn din it-Taqsima.
(2) L-awtoritajiet kontraenti għandhom jiżguraw li l-proċeduri msemmija fis-subregolament (1) jikkonformaw adegwatament mal-prinċipji ta’ trasparenza u trattament ugwali tal-operaturi ekonomiċi.
(3) Fl-implimentazzjoni tas-subregolamenti (1) u (2) l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jqisu l-ispeċifikazzjonijiet tas-servizzi inkwistjoni.
(4) Awtoritajiet kontraenti għandhom jiżguraw li l-proċeduri identifikati fis-subregolament (1) ikunu raġonevoli u proporzjonati, b’mod partikolari li l-limiti ta’ żmien permessi għas-sottomissjoni tal-offerta jkunu suffiċjenti biex l-offerenti jkunu jistgħu jagħmlu offerta.
(5) Meta jistabbilixxu l-proċeduri msemmija fis-subregolament (1) l-awtoritajiet kontraenti jistgħu, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet stabbiliti taħt din it-Taqsima, ukoll jiddeċiedu li japplkaw r-regolamenti stabbiliti għal proċeduri ta’ akkwist oħrajn.
(6) Fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratti li huma s-suġġett ta’ dawn ir-regolamenti, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jqisu l-ħtieġa li jiżguraw il-kwalità, il-kontinwità, l-aċċessibbiltà, l-aċċessibbiltà tal-prezz, id-disponibbiltà u l-komprensività tas-servizzi, il-ħtiġijiet speċifiċi tal-kategoriji differenti ta’ utenti, inklużi l-gruppi żvantaġġati u vulnerabbli, l-involviment u s-setgħa tal-utenti u l-innovazzjoni.
(7) Awtoritajiet kontraenti jistgħu jipprovdu wkoll li l-għażla tal-fornitur tas-servizzi għandha ssir abbażi tal-offerta li toffri l-aqwa bilanċ bejn prezz u kwalità, b’teħid fil-kont tal-kwalità u l-kriterji tas-sostenibbiltà għas-servizzi soċjali.
