# PPR, regolament 16. Dmirijiet ta’ awtorità kontraenti

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/16 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/16
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt
- Amended by: A.L. 155 tal-2017; A.L. 56 tal-2021

(1) Safejn mhux inkonsistenti mad-dmirijiet imsemmija fis-subregolament (2) u r-regolament 79, l-awtoritajiet kontraenti kollha għandhom id-dmir:
   (a) li josservaw u jħarsu dawn ir-regolamenti;
   (b) li jamministraw l-akkwisti pubbliċi tagħhom stess meta l-valuri stmati ta’ dak l-akkwist pubbliku jaqa’ taħt il-limitu stabbilit fir-regolament 9(1)(a): Iżda għal entitajiet elenkati fl-Iskeda 3 dan l-obbligu jestendi wkoll għal akkwist pubbliku tagħhom li jkun daqs jew jeċċedi l-limitu stabbilit taħt ir-regolament 9(1)(b);
   (ċ) li jħejju dokumenti tal-offerti u kull dokumentazzjoni rilevanti oħra li tagħamel magħha: Iżda meta awtorità kontraenti elenkata taħt l-Iskeda 2 teħtieġ li tippubblika proċess tal-offerti b’valur stmat li jaqa’ taħt il-limitu stabbilit bir-regolament 9(1)(b) l-istess awtorità kontraenti għandha tibgħat id-dokument tal-offerti u kull dokumentazzjoni rilevanti li tappoġġja lid-Direttur sabiex dawn jiġu miflija, pubblikati u amministrati minn dan tal-aħħar;
   (d) li jiżguraw li kull referenza għal nomenklaturi fil-kuntest ta’ akkwisti pubbliċi ssir bl-użu tal-Vokabolarju Komuni dwar l-Akkwisti Pubbliċi;
   (e) li jippubblikaw is-sejħiet kollha għal offerti u kwotazzjonijiet, permezz tal-pjattaforma tal-akkwist elettroniku tal-gvern, sakemm ma jkunx previst xort’oħra f’dawn ir-regolamenti;
   (f) li jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-proċess tal-offerti;
   (g) li jieħdu miżuri xierqa biex b’mod effettiv jipprevjenu, jidentifikaw u jirrimedjaw kunflitti ta’ interess li joħorġu mit-twettiq ta’ proċeduri tal-offerti sabiex tiġi evitata kull tagħwiġ ta’ kompetizzjoni u jiġi żgurat trattament ugwali tal-operaturi ekonomiċi kollha;
   (h) li jindikaw fid-dokumenti tal-offerti tagħhom li l-għoti tal-kuntratt hu suġġett għal reviżjoni kif previst f’dawn ir-regolamenti u li jinkludu estratt tal-parti rilevanti tal-proċess tal-appelli f’dawk id-dokumenti biex ikunu ta’ gwida għal operaturi ekonomiċi;
   (i) li jamministraw u jimplimentaw il-kuntratti kollha li jingħataw wara l-offerti u li jiddefendu quddiem qorti jew tribunal kull tilwima li tista’ tqum fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt;
   (j) li jagħmlu l-pagamenti kollha li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni tal-kuntratt;
   (k) li jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li fil-waqt tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt, operaturi ekonomiċi josservaw l-obbligi applikabbli fl-oqsma tad-dritt dwar l-ambjent, soċjali u dwar ix-xogħol stabbilit mil-liġi tal-Unjoni, liġi nazzjonali, ftehm kollettivi jew minn dispożizzjonijiet dwar liġi internazzjonali dwar l-ambjent, soċjali jew dwar ix-xogħol elenkati fl-Iskeda 13;
   (l) li jibgħatu kopja tal-kuntratti identifikati fir-regolament 12(1)(f) lid-Direttur meta dan tal-aħħar hekk jitlob; u
   (m) li jibdew u li jiddefendu proċeduri ġudizzjarji jew ta’ arbitraġġ fir-rigward ta’ xi kuntratt iffirmat minnhom jew f’isimhom.
(2)
   (a) L-awtoritajiet kontraenti li huma imniżżla taħt l-Iskeda 16 għandhom id-dmir li, meta l-istima ta’ sejħa għall-offerti li tkun ser tiġi ppubblikata taħt il-proċedura miftuħa jkollha stima ta’ li taqbeż l-għaxart elef euro (€10,000) iżda ma taqbiżx is-seba' mija w ħamsin elf euro (€750,000), iħejju dokumenti tal-offerti u kull dokumentazzjoni rilevanti oħra li tagħmel magħha u jgħaddu dawn id-dokumenti lid-Direttorat għall-Akkwist Settorjali. Meta l-istima taqbeż il-valur ta’ iżda ma taqbiżx is-seba' mija w ħamsin elf euro (€750,000) dawn id-dokumenti għandhom jintbagħtu lid-Direttur sabiex jwettaq l-obbligi tiegħu skont ir-regolamenti 12 u 13.
   (b) L-awtoritajiet kontraenti li huma mniżżla taħt l-Iskeda 16 għandhom id-dmir ukoll li jiftħu fil-pubbliku offerti mitfugħa minn operaturi ekonomiċi għall-kwotazzjonijiet b’valur stmat li jaqbeż il-ħamest elef euro (€5,000) iżda ma jaqbiżx l-għaxart elef euro (€10,000).
