# PPR, regolament 157. Kompetizzjonijiet ta’ disinn

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/157 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/157
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt

(1) Kompetizzjonijiet ta’ disinn japplikaw għal:
   (a) kompetizzjonijiet ta’ disinn organizzati bħala parti minn proċedura li twassal għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku ta’ servizz;
   (b) kompetizzjonijiet ta’ disinn bi premji jew ħlasijiet lill-parteċipanti.
(2) Fil-każijiet imsemmija fis-subregolament (1)(a), il-limitu msemmi fl-Iskeda 5 huwa kkalkolat fuq il-bażi tal-valur stmat qabel il-VAT tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz, inklużi kwalunkwe premji possibbli jew ħlasijiet lill-parteċipanti.
(3) Fil-każijiet imsemmijin fis-subregolament (1)(b), il-limitu massimu jirreferi għall-ammont totali ta’ premji u ħlasijiet inkluż il-valur stmat qabel il-VAT tal-kuntratt għal servizzi pubbliċi li jista’ sussegwentement ikun konkluż jekk l-awtorità kontraenti tkun ħabbret l-intenzjoni tagħha li tagħti kuntratt bħal dan.
(4) F’kompetizzjoni ta’ disinn li għandha valur stmat li jaqa’ taħt ir-regolament 9(1)(a), l-intenzjoni li jingħata dan il-kuntratt għandha tissemma fid-dokument tal-akkwist u jekk applikabbli fir-reklam ippubblikat fil-Gazzetta. Fil-każ ta’ kompetizzjoni ta’ disinn li għandha valur stmat li jaqa’ taħt ir-regolament 9(1)(b), l-intenzjoni li jingħata dan il-kuntratt għandha titħabbar fl-avviż tal-kompetizzjoni kif stabbilit taħt ir-regolament 46 u fid-dokument tal-akkwist.
