# PPR, regolament 154. Kuntratti pubbliċi ta’ servizzi

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/154 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/154
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt
- Amended by: A.L. 155 tal-2017; A.L. 233 tal-2017

(1) Il-proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel tista’ tintuża għal kuntratti pubbliċi ta’ servizzi fil-każijiet li ġejjin:
   (a) meta ma jkunux ġew sottomessi offerti jew offerti adatti jew talbiet għal parteċipazzjoni jew talbiet għal parteċipazzjoni mhux adatti f’rispons għal proċedura miftuha jew proċedura ristretta, sakemm il-kondizzjonijiet inizjali tal-kuntratt ma jkunux mibdula sostanzjalment u sakemm jintbagħat rapport lill-Kummissjoni meta hija titlob li jsir dan; jew
   (b) fejn is-servizzi jistgħu jiġu fornuti minn operatur ekonomiku partikolari biss minħabba xi waħda mir-raġunijiet li ġejjin:
      (i) l-għan tal-akkwist huwa l-ħolqien jew l-akkwist ta’ xogħol artistiku uniku jew prestazzjoni artistika unika;
      (ii) ma jkunx hemm kompetizzjoni minħabba raġunijiet tekniċi;
      (iii) il-protezzjoni ta’ drittijiet esklużivi, inkluż drittijiet ta’ proprjetà intellettwali: Iżda l-eċċezzjonijiet stabbiliti fis-subparagrafi (ii) u (iii) għandhom japplikaw biss meta ma teżistix alternattiva jew sostitut raġonevoli u n-nuqqas ta’ kompetizzjoni mhijiex konsegwenza ta’ limitazzjoni artifiċjali fil-parametri tal-akkwist; jew
   (ċ) sa fejn huwa strettament neċessarju fejn, għal raġunijiet ta’ urġenza kbira dovuta għal avvenimenti li ma setgħux ikunu previsti mill-awtorità kontraenti, il-limiti ta’ żmien għal proċeduri miftuħa jew ristretti jew kompetittivi bin-negozjar ma jistgħux jiġu rispettati. Iċ-ċirkustanzi invokati għall-ġustifikazzjoni tal-urġenza estrema qatt ma għandhom ikunu attribwibbli għall-awtorità kontraenti; jew
   (d) għal servizzi ġodda li jikkonsistu fir-ripetizzjoni ta’ servizzi simili fdati lill-operatur ekonomiku li ngħata kuntratt oriġinali mill-istess awtoritajiet kontraenti, sakemm dawn ix-xogħlijiet huma konformi ma’ proġett bażiku li għalih ingħata l-kuntratt oriġinali skont proċedura li għaliha ġiet ippubblikata sejħa għal kompetizzjoni b’konformità ma’ dawn ir-regolamenti; jew
   (e) għal kuntratti pubbliċi ta’ servizzi, fejn il-kuntratt ikkonċernat jiġi wara kompetizzjoni ta’ disinn organizzata skont dawn ir-regolamenti u għandu jingħata, skont ir-regoli previsti fil-kompetizzjoni ta’ disinn, lir-rebbieħ jew lil wieħed mir-rebbieħa tal-kompetizzjoni ta’ disinn; f’dan l-aħħar każ, ir-rebbieħa kollha għandhom jiġu mistiedna sabiex jieħdu sehem fin-negozjati; jew
   (f) għax-xiri ta’ servizzi b’termini partikolarment vantaġġjużi, jew mingħand fornitur li qed jagħmel stralċ definittiv tal-attivitajiet ta’ negozju tiegħu, jew il-likwidatur fi proċedura ta’ insolvenza, arranġament mal-kredituri, jew proċedura simili taħt il-liġijiet jew ir-regolamenti nazzjonali.
(2)
   (a) Jekk il-proċedura negozjata tintuża biex titwettaq ripetizzjoni ta’ xogħlijiet simili, il-proġett baziku għandu jindika sa liema punt jistgħu jaslu x-xogħlijiet addizzjonali possibbli u l-kondizzjonijiet li taħthom ser jingħataw.
   (b) Hekk kif l-ewwel proġett jinħareġ għall-offerti, l-użu possibbli ta’ din il-procedura għandu jiġi divulgat u l-awtoritajiet kontraenti għandhom jieħdu f’kunsiderazzjoni l-istima tal-ispiża totali tas-servizzi sussegwenti meta japplikaw il-limiti stabbiliti fl-Iskeda 5.
   (ċ) Il-proċedura negozjata għal ripetizzjoni ta’ xogħlijiet simili tista’ tintuża biss matul it-tliet snin wara li jintemm il-kuntratt oriġinali.
