# PPR, regolament 153. Kuntratti pubbliċi ta’ provvisti

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/153 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/153
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt
- Amended by: A.L. 155 tal-2017

Il-proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel tista’ tintuża għal kuntratti pubbliċi ta’ provvisti fil-każijiet li ġejjin:
   (a) meta ma jkunux ġew sottomessi offerti jew offerti adatti jew talbiet għal parteċipazzjoni jew talbiet għal parteċipazzjoni mhux adatti f’rispons għal proċedura miftuha jew proċedura ristretta, sakemm il-kondizzjonijiet inizjali tal-kuntratt ma jkunux mibdula sostanzjalment u sakemm jintbagħat rapport lill-Kummissjoni meta hija titlob li jsir dan; jew
   (b) fejn il-provvisti jistgħu jiġu fornuti minn operatur ekonomiku partikolari biss minħabba xi waħda mir-raġunijiet li ġejjin:
      (i) l-għan tal-akkwist huwa l-ħolqien jew l-akkwist ta’ xogħol artistiku uniku jew prestazzjoni artistika unika;
      (ii) ma jkunx hemm kompetizzjoni minħabba raġunijiet tekniċi;
      (iii) il-protezzjoni ta’ drittijiet esklużivi, inkluż drittijiet ta’ proprjetà intellettwali: Iżda l-eċċezzjonijiet stabbiliti fis-subparagrafi (ii) u (iii) għandhom japplikaw biss meta ma teżistix alternattiva jew sostitut raġonevoli u n-nuqqas ta’ kompetizzjoni mhijiex konsegwenza ta’ limitazzjoni artifiċjali fil-parametri tal-akkwist; jew
   (ċ) sa fejn huwa strettament neċessarju fejn, għal raġunijiet ta’ urġenza kbira dovuta għal avvenimenti li ma setgħux ikunu previsti mill-awtorità kontraenti, il-limiti ta’ żmien għal proċeduri miftuħa jew ristretti jew kompetittivi bin-negozjar ma jistgħux jiġu rispettati. Iċ-ċirkustanzi invokati għall-ġustifikazzjoni tal-urġenza estrema qatt ma għandhom ikunu attribwibbli għall-awtorità kontraenti; jew
   (d) fejn il-prodotti involuti jkunu manifatturati purament għall-finijiet ta’ riċerka, esperimentazzjoni, studju jew żvilupp; madankollu, kuntratti mogħtija skont dan il-paragrafu ma għandhomx jinkludu l-produzzjoni ta’ kwantità sabiex tiġi stabbilita l-vijabbiltà kummerċjali jew sabiex jiġu rkuprati l-ispejjeż tar-riċerka u l-iżvilupp; jew
   (e) għal konsenji addizzjonali mill-fornitur oriġinali li huma maħsuba jew bħala sostituzzjoni parzjali ta’ provvisti jew stallazzjonijiet jew inkella bħala estensjoni ta’ provvisti jew stallazzjonijiet eżistenti fejn bidla fil-fornitur tkun tobbliga lill-awtorità kontraenti li tikseb provvisti li għandhom karatteristiċi tekniċi differenti li jirriżultaw f’inkompatibbiltà jew diffikultajiet tekniċi sproporzjonati fit-tħaddim u l-manutenzjoni; bħala regola ġenerali, il-perjodu ta’ dawn il-kuntratti kif ukoll dak tal-kuntratti rikorrenti ma għandux jaqbeż it-tliet snin; jew
   (f) għal provvisti kkwotati u mixtrija f’suq tal-prodotti bażiċi; jew
   (g) għax-xiri ta’ provvisti b’termini partikolarment vantaġġjuzi, jew mingħand fornitur li qed jagħmel stralċ definittiv tal-attivitajiet ta’ negozju tiegħu, jew il-likwidatur fi proċedura ta’ insolvenza, arranġament mal-kredituri, jew proċedura simili taħt il-liġijiet jew ir-regolamenti nazzjonali.
