# PPR, regolament 151. Kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/151 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/151
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt

Il-proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel tista’ tintuża għal kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi fil-każijiet li ġejjin:
   (a) meta ma jkunux ġew sottomessi offerti jew offerti adattati jew talbiet għal parteċipazzjoni jew talbiet għal parteċipazzjoni mhux adattati f’rispons għal proċedura miftuħa jew proċedura ristretta, sakemm il-kondizzjonijiet inizjali tal-kuntratt ma jkunux mibdula sostanzjalment u sakemm jintbagħat rapport lill-Kummissjoni meta hija titlob li jsir dan; jew
   (b) fejn ix-xogħlijiet jistgħu jiġu fornuti minn operatur ekonomiku partikolari biss minħabba xi waħda mir-raġunijiet li ġejjin:
      (i) l-għan tal-akkwist huwa l-ħolqien jew l-akkwist ta’ xogħol artistiku uniku jew prestazzjoni artistika unika;
      (ii) ma jkunx hemm kompetizzjoni minħabba raġunijiet tekniċi;
      (iii) il-protezzjoni ta’ drittijiet esklużivi, inkluż drittijiet ta’ proprjetà intellettwali: Iżda l-eċċezzjonijiet stabbiliti fis-subparagrafi (ii) u (iii) għandhom japplikaw biss meta ma teżistix alternattiva jew sostitut raġonevoli u n-nuqqas ta’ kompetizzjoni mhijiex konsegwenza ta’ limitazzjoni artifiċjali fil-parametri tal-akkwist; jew
   (ċ) sa fejn huwa strettament neċessarju fejn, għal raġunijiet ta’ urġenza kbira dovuti għal avvenimenti li ma setgħux ikunu previsti mill-awtorità kontraenti, il-limiti ta’ żmien għal proċeduri miftuħa jew ristretti jew kompetittivi bin-negozjar ma jistgħux jiġu rispettati. Iċ-ċirkustanzi invokati għall-ġustifikazzjoni tal-urġenza estrema qatt ma għandhom ikunu attribwibbli għall-awtorità kontraenti; jew
   (d) għal xogħlijiet ġodda li jikkonsistu fir-ripetizzjoni ta’ xogħlijiet simili fdati lill-operatur ekonomiku li ngħata kuntratt oriġinali mill-istess awtoritajiet kontraenti, jekk dawn ix-xogħlijiet huma konformi ma’ proġett bażiku li għalih ingħata l-kuntratt oriġinali skont proċedura li għaliha ġiet ippubblikata sejħa għal kompetizzjoni b’konformità ma’ dawn ir-regolamenti.
