# PPR, regolament 136. Negozjar

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/136 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/136
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt

(1) Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-regolament, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jinnegozjaw mal-offerenti dawk l-offerti inizjali u dawk kollha sussegwenti sottomessi minnhom, għajr l-offerta finali, sabiex jittejjeb l-kontenut tagħhom.
(2) Ir-rekwiżiti minimi u l-kriterji tal-għoti ma għandhomx ikunu suġġetti għal negozjati.
(3) Matul in-negozjati, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jiżguraw it-trattament ugwali lill-offerenti kollha. Għal dak il-għan, ma għandhomx jipprovdu informazzjoni b’mod diskriminatorju li tista’ tagħti vantaġġ lil xi offerenti fuq oħrajn. Huma għandhom jinfurmaw lill-offerenti kollha, li l-offerti tagħhom ma jkunux ġew eliminati, skont is-subregolament (5), bil-miktub, dwar kwalunkwe bidla fl-ispeċifiċitajiet tekniċi jew f’dokumenti tal-akkwist oħra, minbarra dawk li jistabbilixxu r-rekwiżiti minimi. Wara dawk il-bidliet, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jagħtu biżżejjed ħin lill-offerenti biex jimmodifikaw u jerġgħu jippreżentaw l-offerti emendati, kif adatt.
(4) F’konformità mar-regolament 40, l-awtoritajiet kontraenti ma għandhomx jiżvelaw lill-parteċipanti l-oħra informazzjoni kunfidenzjali kkomunikata minn kandidat jew offerent li jkun qed jieħu sehem fin-negozjati mingħajr il-qbil tiegħu. Qbil bħal dan ma għandux jieħu l-forma ta’ eżenzjoni ġenerali iżda għandu jsir b’referenza għall-komunikazzjoni proposta tal-informazzjoni speċifika.
(5) In-negozjati matul il-proċeduri tas-sħubija għall-innovazzjoni jistgħu jsiru fi stadji suċċessivi sabiex jonqos in-numru ta’ offerti li jridu jiġu negozjati billi jiġu applikati l-kriterji tal-għoti speċifikati fl-avviż dwar kuntratt, fl-istedina għall-konferma tal-interess jew fid-dokumenti tal-akkwist. Fl-avviż dwar kuntratt, fl-istedina għall-konferma tal-interess jew fid-dokumenti tal-akkwist, l-awtorità kontraenti għandha tindika jekk hijiex ser tirrikorri għal dik l-għażla.
