# PPR, regolament 13. Funzjonijiet addizzjonali fir-rigward ta’ akkwisti pubbliċi ’l fuq minn ċerti limiti

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/13 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/13
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt

Fir-rigward ta’ proċedura dwar akkwisti pubbliċi mwettqa mid-Direttur f’isem awtorità kontraenti b’valur stmat li jaqa’ taħt ir-regolament 9(1)(b) id-Direttur ikollu wkoll il-funzjoni:
   (a) li jistabbilixxi u japprova l-kondizzjonijiet ġenerali tad-dokumenti tal-offerta;
   (b) li jawtorizza diverġenzi minn patti u kondizzjonijiet standard skont ir-regolamenti hawn stabbiliti u li jistgħu jiddaħħlu fid-dokumenti tal-offerti;
   (ċ) li japprova estensjonijiet fil-perijodu jew il-kanċellament ta’ proċedura ta’ offerti;
   (d) li jordna li jittawwal il-perijodu għall-għemil ta’ offerti fil-każ ta’ xi sejħa għal offerti msemmija f’dawn ir-regolamenti jekk huwa jqis li dik l-estensjoni tkun ġustifikata fiċ-ċirkustanzi tal-każ;
   (e) li jifli u japprova, b’xi tibdil jew mingħajru, dokumenti tal-offerti, qabel ma dawn jinħarġu u jiġu pubblikati;
   (f) li japprova, meta jkun meħtieġ skont dawn ir-regolamenti, modifiki li jkunu jeċċedu l-ammont stabbilit fir-regolament 246(3);
   (g) li japprova talbiet magħmula minn awtoritajiet kontraenti għal estensjonijiet fil-perijodu kemm idumu l-kuntratti jekk huwa jqis li ċ-ċirkustanzi jkunu hekk jitolbu fl-interess pubbliku u jsiru dispożizzjoniiet speċifiċi dwar dawk l-estensjonijiet fid-dokument tal-offerta;
   (h) li jidentifika u jimplimenta mezzi adatti biex ikun jista’ jissorvelja l-eżekuzzjoni kif suppost ta’ kuntratti;
   (i) li jagħmel regolamenti biex jingħataw kuntratti f’isem u għan-nom ta’ awtoritajiet kontraenti elenkati fl-Iskeda 2, inkluż il-każ ta’ assoċjazzjoni ta’ awtoritajiet li tagħhom l-awtorità kontraenti tkun membru;
   (j) li jistabbilixxi l-proċedura li taffettwa l-għoti ta’ kuntratti regolati bil-proċeduri li jkunu diverġenti minn dawn ir-regolamenti sakemm dawn il-proċeduri jiġu ppubblikati b’avviż fil-Gazzetta;
   (k) li jippubblika fil-Gazzetta avviż dwar l-għotjiet kollha ta’ offerti inklużi l-varjazzjonijiet barra mil-limiti tal-kondizzjonijiet tal-offerta, fi żmien sitt xhur mill-għoti tagħhom;
   (l) li jaġġudika offerti u jiffirma kuntratti f’isem u għan-nom ta’ awtoritajiet kontraenti skont kif jipprovdu dawn ir-regolamenti;
   (m) li jieħu miżuri xierqa biex jiżgura li fit-twettiq ta’ kuntratti pubbliċi operaturi ekonomiċi josservaw l-obbligi applikabbli fl-oqsma tal-ambjent, id-dritt soċjali u dwar ix-xogħol stabbilit bil-liġi tal-Unjoni. il-liġi nazzjonali, ftehim kollettivi jew b’dispożizzjonijiet dwar liġi internazzjonali dwar l-ambjent u liġi soċjali u dwar ix-xogħol elenkati fl-Iskeda 13; u
   (n) jħejji u jibgħat lill-Ministru rapport, mhux iktar tard minn sitt xhur wara l-għeluq ta’ kull sena finanzjarja, dwar l-prestazzjoni tal-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti, u tal-Kumitat Speċjali tal-Kuntratti matul is-sena finanzjarja li dwarha jsir ir-rapport, liema rapport għandu, b’mod partikolari, jipprovdi dettalji dwar ir-riżultati tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ: Iżda, wara li r-rapport jintbagħat lill-Ministru, id-Direttur għandu jiżgura li r-rapport jiġi ppubblikat.
