# PPR, regolament 127. Negozjar

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/127 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/127
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt

(1) Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tas-subregolament (3), l-awtoritajiet kontraenti għandhom jinnegozjaw mal-offerenti dawk l-offerti inizjali u dawk kollha sussegwenti sottomessi minnhom, għajr l-offerti finali fis-sens tas-subregolament (7), sabiex itejbu l-kontenut tagħhom.
(2) Ir-rekwiżiti minimi u l-kriterji tal-għoti ma għandhomx ikunu soġġetti għal negozjati.
(3) L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jagħtu kuntratti abbażi tal-offerti inizjali mingħajr negozjar meta jkunu indikaw fl-avviż tal-kuntratt jew fl-istedina għall-konferma tal-interess, kif ikun il-każ, li huma jirriservaw il-possibbiltà li jagħmlu dan.
(4) Matul in-negozjati, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jiżguraw it-trattament ugwali lill-offerenti kollha. Għal dak il-għan, ma għandhomx jipprovdu informazzjoni b’mod diskriminatorju li tista’ tagħti vantaġġ lil xi offerenti fuq oħrajn. Huma għandhom jinfurmaw lill-offerenti kollha, li l-offerti tagħhom ma ġewx eliminati skont is-subregolament (6), bil-miktub dwar kwalunkwe bidla għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew dokumenti oħra ta’ akkwist, minbarra dawk li jistabbilixxu r-rekwiżiti minimi. Wara dawn il-bidliet, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jagħtu biżżejjed ħin lill-offerenti biex jimmodifikaw u jerġgħu jippreżentaw l-offerti emendati, kif adatt.
(5) F’konformità mar-regolament 40, l-awtoritajiet kontraenti ma għandhomx jiżvelaw lill-parteċipanti l-oħra informazzjoni kunfidenzjali kkomunikata minn kandidat jew offerent li jkun qed jieħu sehem fin-negozjati mingħajr il-qbil tiegħu. Tali qbil ma għandux jieħu l-forma ta’ eżenzjoni ġenerali iżda għandu jsir b’referenza għall-komunikazzjoni intenzjonata tal-informazzjoni speċifika.
(6) Il-proċeduri kompetittivi permezz tan-negozjar jistgħu jsiru fi stadji suċċessivi sabiex jonqos in-numru ta’ offerti li jridu jiġu negozjati billi jiġu applikati l-kriterji tal-għoti speċifikati fl-avviż dwar kuntratt, fl-istedina għall-konferma tal-interess jew f’dokument ieħor ta’ akkwist. Fl-avviż tal-kuntratt, fl-istedina għall-konferma tal-interess jew f’dokument ieħor ta’ akkwist, l-awtorità kontraenti għandha tindika jekk hi rrikorrietx għal dik l-alternattiva.
(7) Fejn l-awtorità kontraenti għandha l-intenzjoni li tikkonkludi n-negozjati, għandha tinforma lill-offerenti li jkun baqa’ u tistabbilixxi data ta’ skadenza komuni għas-sottomissjoni ta’ kwalunkwe offerta ġdida jew riveduta. Hija għandha tivverifika li l-offerti finali huma f’konformità mar-rekwiżiti minimi u jikkonformaw mar-regolament 61(2), tivvaluta l-offerti finali fuq il-bażi tal-kriterji tal-għoti inizjalment indikati u tagħti l-kuntratt skont ir-regolamenti 238, 239, 240 u 243.
