# PPR, regolament 123. Proċedura kompetittiva b’negozjar

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/123 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/123
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt

(1) Meta mitlub minn awtorità kontraenti, id-Direttur jista’ bla ħsara għal kull kondizzjoni li jidhirlu xieraq li jimponi, japprova bil-miktub l-użu ta’ proċedura kompetittiva permezz tan-negozjar fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:
   (a) fir-rigward ta’ xogħlijiet, provvisti jew servizzi li jissodisfaw wieħed jew aktar mill-kriterji li ġejjin:
      (i) il-ħtigiet tal-awtorità kontraenti ma jistgħux jiġu ssodisfati mingħajr l-adattament ta’ soluzzjonijiet faċilment disponibbli;
      (ii) jinkludu disinn jew soluzzjonijiet innovattivi;
      (iii) il-kuntratt ma jistax jingħata mingħajr negozjati minn qabel minħabba ċirkustanzi speċifiċi relatati man-natura, il-kumplessità jew il-forma legali jew finanzjarja jew minħabba r-riskji marbuta magħhom;
      (iv) l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ma jistgħux ikunu stabbiliti bi preċiżjoni suffiċjenti mill-awtorità kontraenti b’referenza għal xi standard, il-Valutazzjoni Teknika Ewropea, speċifikazzjoni teknika komuni jew referenza teknika skont it-tifsirjiet fir-regolament 2;
   (b) fir-rigward ta’ xogħlijiet, provvisti jew servizzi fejn, b’risposta għal proċedura miftuħa jew ristretta, ġew ippreżentati biss offerti irregolari jew mhux aċċettabbli. F’tali sitwazzjonijiet, m’għandux ikun meħtieġ li l-awtoritajiet kontraenti jippublikaw avviż ta’ kuntratt fejn huma jinkludu l-offerenti kollha, u dawk biss, li jkunu ssodisfaw il-kriterji tat-Taqsima VI u tar-regolamenti 217 sa 235 u li, matul il-proċedura miftuħa jew ristretta ta’ qabel, ikunu ssottomettew offerti skont ir-rekwiżiti formali tal-proċedura ta’ akkwist.
(2) Sejħa għall-kompetizzjoni għal proċedura kompetittiva b’negozjar għandha ssir permezz ta’ avviż dwar kuntratt u kull operatur ekonomiku jista’ jissottometti talba biex jieħu sehem f’rispons għal sejħa għall-kompetizzjoni li jkun fiha l-informazzjoni stabbiolita fl-Iskeda 9 taqsimiet B u Ċ billi jipprovdi l-informazzjoni għal għażka kwalitattiva li ġiet mitluba mill-awtorità kontraenti.
