# PPR, regolament 111. Varjazzjonijiet u penalitajiet

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/111 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/111
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt
- Amended by: A.L. 195 tal-2019

(1) Il-Ministru jista’ jippermetti li varjazzjonijiet u l-impożizzjoni jew il-maħfra ta’ penalitajiet rigward dawk il-kuntratti jiġu approvati mill-Ministru responsabbli għal dik l-awtorità kontraenti, li jista’ jiddelega l-awtorità tiegħu bil-miktub lis-Segretarju Parlamentari, lis-Segretarju Permanenti jew lill-Kap tal-awtorità kontraenti.
(2) Kull sitt xhur il-Kap tal-awtorità kontraenti għandu jippubblika fil-Gazzetta lista sħiħa tal-kuntratti dipartimentali kollha li jkunu ngħataw minnu b’valur li jeċċedi ħamest elef euro (€5,000) u lista tal-każijiet kollha li jinvolvu varjazzjonijiet li jeċċedu l-valuri tal-kuntratt oriġinali b’iżjed minn ħamsa fil-mija. Dawn iż-żewġ listi għandhom jinkludu l-isem tal-operatur ekonomiku, in-natura tal-kuntratti, il-valuri oriġinali tal-kuntratti u l-valuri finali tal-kuntratti jekk ikun il-każ: Iżda mingħajr ħsara għar-regolament 79, fil-każ ta’ awtoritajiet kontraenti elenkati fl-Iskeda 16, l-obbligu stabbilit f’dan is-subregolament għandu japplika meta dawn l-awtoritajiet kontraenti jippubblikaw sejħiet li mhux regolati bħala proċedura miftuħa.
(3) Dawn ir-regolamenti taħt din it-Taqsima m’għandhomx japplikaw meta awtorità kontraenti tkun qed tagħti kuntratt pubbliku lill-awtorità kontraenti oħra jew lil korp ta’ akkwist ċentralizzat sakemm l-awtoritajiet kontraenti msemmija ma jkollhomx parteċipazzjoni ta’ kapital privat.
