# L.S. 601.09, regolament 95. Avviżi ta’ konċessjoni

- URL: https://procurelex.mt/mt/koncessjonijiet/95 · English: https://procurelex.mt/en/concessions/95
- Regolamenti dwar Kuntratti ta’ Konċessjoni (L.S. 601.09), consolidated version in force from 2024-05-17; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.9/mlt

(1) L-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti li jkunu jixtiequ jagħtu konċessjoni għandhom juru l-intenzjoni tagħhom permezz ta’ avviż ta’ konċessjoni.
(2) Avviżi ta’ konċessjoni għandu jkun fihom l-informazzjoni msemmija fl-Iskeda 7 u, fejn adatt, kull informazzjoni oħra meqjusa utli mill-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti, skont il-format tal-formoli standard.
(3) L-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti li jkunu jixtiequ jagħtu konċessjoni għal servizzi soċjali u servizzi speċifiċi oħrajn elenkati fl-Iskeda 6 għandhom juru l-intenzjoni tagħhom ta’ għoti ta’ konċessjoni ppjanat permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ informazzjoni minn qabel. Dawk l-avviżi għandu jkun fihom l-informazzjoni stabbilita fl-Iskeda 8.
(4) B’deroga id-dispożizzjonijiet tas-subregolament (1), l-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti m’għandhomx ikunu meħtieġa jippubblikaw avviż ta’ konċessjoni fejn ix-xogħol u s-servizzi jkunu jistgħu jingħataw biss minn operatur ekonomiku partikolari minħabba xi waħda mir-raġunijiet li ġejjin:
   (a) l-għan tal-konċessjoni jkun il-ħolqien jew l-akkwist ta’ opra tal-arti jew prestazzjoni artistika unika;
   (b) in-nuqqas ta’ kompetizzjoni għal raġunijiet tekniċi;
   (ċ) l-eżistenza ta’ dritt esklużiv;
   (d) il-protezzjoni ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u drittijiet esklużivi ħlief dawk imfissra fir-regolament 2.
(5) L-eċċezzjonijiet stabbiliti is-subregolament (4)(b), (ċ) u (d) japplikaw biss meta ma teżistix alternattiva jew sostitut raġonevoli u n-nuqqas ta’ kompetizzjoni mhuwiex konsegwenza ta’ limitazzjoni artifiċjali fil-parametri tal-għoti ta’ konċessjoni.
(6) B’deroga mid-dispożizzjonijiet tas-subregolament (1), l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti m’għandhiex tkun meħtieġa tippubblika avviż ta’ konċessjoni ġdid meta ma tkun ġiet preżentata l-ebda applikazzjoni jew l-ebda sejħa għal offerta jew l-ebda sejħa għal offerta adatta jew l-ebda applikazzjoni adatta bi tweġiba għal proċedura ta’ konċessjoni preċedenti, dment li l-kundizzjonijiet inizjali tal-kuntratt ta’ konċessjoni ma jinbidlux sostanzjalment u dment li jintbagħat rapport lill-Kummissjoni meta hija titlob hekk;
(7) Għall-finijiet tas-subregolament (6), offerta għandha titqies bħala li mhix adatta meta tkun irrilevanti għall-konċessjoni, filwaqt li b’mod ċar ma tkunx kapaċi, mingħajr bidliet sostanzjali, tissodisfa l-ħtiġijiet u r-rekwiżiti tal-awtorità kontraenti jew tal-entità kontraenti kif speċifikati fid-dokumenti tal-konċessjoni.
(8) Għall-finijiet tas-subregolament (6), applikazzjoni għandha titqies bħala mhux adatta:
   (a) fejn l-operatur ekonomiku kkonċernat għandu jew jista’ jiġi eskluż skont ir-regolamenti 193, 194(a) u (b) u 199 tar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku jew ma jissodisfax il-kriterji ta’ għażla stabbiliti mill-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti skont id-dispożizzzjonijet tar-regolament 77;
   (b) fejn l-applikazzjonijiet jinkludu offerti li mhumiex adatti fit-tifsira tas-subregolament (7).
