# L.S. 601.09, regolament 85. Modifiki għal kuntratti ta’ konċessjoni matul it-terminu tagħhom

- URL: https://procurelex.mt/mt/koncessjonijiet/85 · English: https://procurelex.mt/en/concessions/85
- Regolamenti dwar Kuntratti ta’ Konċessjoni (L.S. 601.09), consolidated version in force from 2024-05-17; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.9/mlt

(1) Il-konċessjonijiet jistgħu jiġu modifikati mingħajr proċedura ġdida tal-għoti ta’ konċessjoni fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:
   (a) fejn il-modifiki, irrispettivament mill-valur monetarju tagħhom, ikunu ġew previsti fid-dokumenti tal-konċessjoni inizjali bi klawżoli ċari, preċiżi u inekwivoċi, li jistgħu jinkludu klawżoli ta’ reviżjoni tal-valur, jew għażliet. Dawn il-klawżoli għandhom jiddikkjaraw l-ambitu u n-natura ta’ modifiki jew għażliet possibbli kif ukoll il-kundizzjonijiet kif dawn jistgħu jintużaw. Huma m’għandhomx jipprevedu modifiki jew għażliet li jibdlu n-natura globali tal-konċessjoni;
   (b) għal xogħlijiet jew servizzi addizzjonali mill-konċessjonarju oriġinali li jkunu saru neċessarji u li ma kinux inklużi fil-konċessjoni inizjali fejn il-bidla tal-konċessjonarju:
      (i) ma tistax issir għal raġunijiet ekonomiċi jew tekniċi bħalma huma r-rekwiżiti ta’ interkambjalità jew interoperabbiltà ma’ tagħmir, servizzi jew installazzjonijiet eżistenti akkwistati taħt il-konċessjoni inizjali; u
      (ii) tkun tikkawża inkonvenjenza sinjifikanti jew dupplikazzjoni sostanzjali ta’ spejjeż għall-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti: Iżda, fil-każ ta’ konċessjonijiet mogħtija minn awtorità kontraenti jew minn entità kontraenti, għall-finijiet li titkompla attività li mhix waħda minn dawk imsemmija fl-Iskeda 4, kwalunkwe żieda fil-valur ma għandhiex tkun ta’ aktar minn ħamsin fil-mija tal-valur tal-konċessjoni oriġinali;
   (ċ) fejn jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
      (i) il-ħtieġa għal modifika seħħet minħabba ċirkostanzi li awtorità kontraenti jew entità kontraenti diliġenti ma setgħetx tbassar;
      (ii) il-modifika ma tibdilx in-natura inġenerali tal-konċessjoni;
      (iii) fil-każ ta’ konċessjonijiet mogħtija minn awtorità kontraenti jew minn entità kontraenti, għall-finijiet li titkompla attività li mhix waħda minn dawk imsemmija fl-Iskeda 4, kwalunkwe żieda fil-valur ma tistax tkun ta’ aktar minn ħamsin fil-mija tal-valur tal-konċessjoni oriġinali.
   (d) fejn konċessjonarju ġdid jibdel lill-konċessjonarju li l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti tkun inizjalment tat il-konċessjoni bħala konsegwenza ta’:
      (i) klawżola ta’ reviżjoni jew għażla inekwivoka f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (a);
      (ii) suċċessjoni universali jew parzjali fil-pożizzjoni tal-konċessjonarju inizjali, wara ristrutturar korporattiv, inkluż teħid ta’ pussess, amalgamazzjoni u akkwist jew insolvenza, ta’ operatur ekonomiku ieħor li jissodisfa l-kriterji ta’ selezzjoni kwalitattiva stabbiliti inizjalment, dment li dan ma jwassalx għal modifiki sostanzjali oħra għall-kuntratt u ma jkunx immirat lejn iċ-ċirkomvenzjoni tal-applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti; jew
      (iii) fil-każ li l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti nnifisha tassumi l-obbligi tal-konċessjonarju prinċipali fir-rigward tas-subkuntratturi tiegħu;
   (e) fejn il-modifiki, irrispettivament mill-valur tagħhom, ma jkunux sostanzjali fis-sens tas-subregolament (5).
(2) L-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti li jkunu mmodifikaw konċessjoni li jkollu valur stmat li jilħaq jew jaqbeż il-limiti stabbiliti taħt l-Iskeda 3, fil-każijiet stabbiliti taħt is-subregolment (1)(b) u (ċ) għandhom jippubblikaw avviż għal dak l-effett fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan l-avviż għandu jkun fih l-informazzjoni stabbilita fl-Iskeda 13 u għandu jiġi ppubblikat f’konformità mad-dispożizzzjonijet tar-regolament 97.
(3) Mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti taħt is-subregolamenti (5)(a) sa (d) jkunux sodisfatti, il-konċessjonijiet jistgħu wkoll jiġu mmodifikati mingħajr il-ħtieġa ta’ proċedura ġdida għall-għoti ta’ konċessjoni fejn il-valur tal-modifika jkun inqas mill-valuri li ġejjin:
   (a) il-limitu stabbilit fl-Iskeda 3; u
   (b) għaxra fil-mija tal-valur tal-konċessjoni inizjali. Iżda l-modifika ma tibdilx in-natura globali tal-konċessjoni. Fejn isiru diversi modifiki suċċessivi, il-valur għandu jiġi vvalutat fuq il-bażi tal-valur kumulattiv nett tal-modifiki suċċessivi.
(4) Għall-fini tal-kalkolu tal-valur imsemmi fis-subregolament (1)(b) u (ċ) u s-subregolament (3), il-valur aġġornat għandu jkun il-valur ta’ referenza meta l-konċessjoni tkun tinkludi klawżola ta’ indiċjar. Jekk il-konċessjoni ma tinkludix klawżola ta’ indiċjar, il-valur aġġornat għandu jiġi kkalkolat b’kont meħud tal-inflazzjoni medja f’Malta.
(5) Modifika ta’ konċessjoni matul it-terminu tagħha għandha titqies li hija sostanzjali skont it-tifsira tas-subregolament (1)(e), fejn din trendi l-konċessjoni materjalment differenti fil-karattru minn dik inizjalment konkluża. Fi kwalunkwe eventwalità, mingħajr preġudizzju għas-subregolamenti (1), (2) u (3), modifika għandha titqies li hija sostanzjali fejn tkun sodisfatta waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
   (a) il-modifika tintroduċi kundizzjonijiet li, kieku kienu parti mill-proċedura tal-għoti ta’ konċessjoni inizjali, kienu jippermettu l-ammissjoni ta’ applikanti oħra minbarra dawk inizjalment magħżula, jew għall-aċċettazzjoni ta’ offerta minbarra dik aċċettata oriġinarjament jew kienu jattiraw parteċipanti addizzjonali fil-proċedura tal-għoti ta’ konċessjoni;
   (b) il-modifika tibdel il-bilanċ ekonomiku tal-konċessjoni favur il-konċessjonarju b’tali mod li ma kienx previst fil-konċessjoni inizjali;
   (ċ) il-modifika testendi l-ambitu tal-konċessjoni b’mod konsiderevoli;
   (d) fejn konċessjonarju ġdid jibdel lill-konċessjonarju li l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti kienet inizjalment tat il-konċessjoni f’każijiet oħra minbarra dawk previsti taħt is-subregolment (1)(d).
(6) Proċedura ġdida għall-għoti ta’ konċessjoni f’konformità ma’ dawn ir-regolamenti għandha tintalab għal modifiki oħra tad-dispożizzjonijiet ta’ konċessjoni matul it-terminu tagħha minbarra dawk previsti fis-subregolamenti (1), (2) u (3).
