# L.S. 601.09, regolament 84. Żvelar ta’ livell ta’ subkuntrattar

- URL: https://procurelex.mt/mt/koncessjonijiet/84 · English: https://procurelex.mt/en/concessions/84
- Regolamenti dwar Kuntratti ta’ Konċessjoni (L.S. 601.09), consolidated version in force from 2024-05-17; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.9/mlt

(1) Fid-dokumenti tal-konċessjoni, l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti tista’ titlob lill-offerent jew lill-applikant biex jindika fl-offerta tiegħu kwalunkwe sehem mill-konċessjoni li hu jista’ jkollu l-ħsieb li jagħti bħala subkuntratt lil partijiet terzi u jindika kwalunkwe subkuntrattur propost: Iżda l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti tista’ timponi obbligu biex tingħata l-informazzjoni meħtieġa direttament fuq il-konċessjonarju.
(2) Id-dispożizzzjonijet tar-regolament 83 u tas-subregolament (1) m’għandhomx jaffettwaw r-responsabbiltà tal-konċessjonarju prinċipali.
(3) Fil-każ ta’ konċessjonijiet ta’ xogħlijiet u fir-rigward ta’ servizzi li għandhom jiġu pprovduti fil-faċilità taħt is-sorveljanza tal-awtorità kontraenti jew tal-entità kontraenti, wara l-għoti tal-konċessjoni u mhux aktar tard minn meta l-prestazzjoni tal-konċessjoni tibda, l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti għandha titlob lill-konċessjonarju jindika lill-awtorità kontraenti jew lill-entità kontraenti l-isem, id-dettalji ta’ kuntatt u r-rappreżentanti legali tas-subkuntratturi tiegħu, involuti f’tali xogħlijiet u servizzi, sa fejn dawn ikunu magħrufa f’dak il-mument.
(4) L-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti għandha titlob lill-konċessjonarju biex jgħarrafha bi kwalunkwe tibdil f’dik l-informazzjoni provduta fis-subregolment (3) matul il-konċessjoni kif ukoll bl-informazzjoni meħtieġa għal kwalunkwe subkuntrattur ġdid li huwa jinvolvi sussegwentement f’tali xogħlijiet jew servizzi.
(5) Il-proviso tas-subregolament (1), u s-subregolamenti (3) u (4) ma għandhomx japplikaw għal fornituri.
(6) L-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti jistgħu jestendu l-obbligi previsti fis-subregolamenti (3) u (4) fost l-oħrajn għal dan li ġej:
   (a) konċessjonijiet ta’ servizzi oħra minbarra dawk li jikkonċernaw servizzi li jingħataw fil-faċilitajiet taħt is-sorveljanza tal-awtorità kontraenti jew tal-entità kontraenti jew għal fornituri involuti f’konċessjonijiet ta’ xogħlijiet jew servizzi;
   (b) subkuntratturi tas-subkuntratturi tal-konċessjonarju jew aktar ’l isfel fil-katina tas-subkuntrattar.
