# L.S. 601.09, regolament 80. Għoti ta’ informazzjoni lil kandidati

- URL: https://procurelex.mt/mt/koncessjonijiet/80 · English: https://procurelex.mt/en/concessions/80
- Regolamenti dwar Kuntratti ta’ Konċessjoni (L.S. 601.09), consolidated version in force from 2024-05-17; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.9/mlt

(1) L-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti għandha, mill-aktar fis possibbli, tinforma lil kull kandidat u offerent bid-deċiżjonijiet meħuda rigward l-għoti ta’ konċessjoni, inkluż isem l-offerent magħżul, ir-raġunijiet għal kwalunkwe deċiżjoni ta’ rifjut tal-applikazzjoni jew l-offerta tiegħu u r-raġunijiet għal kwalunkwe deċiżjoni li ma jingħatax kuntratt li għalih kien hemm pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ konċessjoni jew li terġa’ tinbeda l-proċedura.
(2) Barra minn dak iddikjarat fis-subregolamenti (1), fuq talba tal-parti kkonċernata, l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti għandha, mill-aktar fis possibbli, u fi kwalunkwe każ fi żmien ħmistax-il jum mill-wasla ta’ talba bil-miktub, tinforma lil kwalunkwe offerent li jkun għamel offerta ammissibbli dwar il-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula.
(3) L-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti tista’ tiddeċiedi li żżomm ċerta informazzjoni msemmija fis-subregolament (1), rigward il-kuntratt, meta l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni jimpedixxi l-infurzar tal-liġi, b’xi mod ieħor imur kontra l-interess pubbliku jew jippreġudika l-interessi kummerċjali leġittimi ta’ operaturi ekonomiċi, sew jekk privati kif ukoll jekk pubbliċi, jew jista’ tippreġudika l-kompetizzjoni ġusta bejn dawn l-operaturi.
