# L.S. 601.09, regolament 75. Metodi ta’ komunikazzjoni

- URL: https://procurelex.mt/mt/koncessjonijiet/75 · English: https://procurelex.mt/en/concessions/75
- Regolamenti dwar Kuntratti ta’ Konċessjoni (L.S. 601.09), consolidated version in force from 2024-05-17; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.9/mlt

(1) Il-konċessjonijiet maħruġa mill-awtoritajiet kontraenti għandhom jiġu ppubblikati permezz ta’ pjattaforma tal-akkwist elettoniku tal-gvern sakemm ma jkunx approvat bil-miktub mid-Direttur u kwalunkwe komunikazzjoni għandha titwettaq permezz tal-istess pjattaforma.
(2) Malli jiksbu l-awtorizzazzjoni tad-Direttur, l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti jistgħu jagħżlu wieħed jew aktar mill-mezzi ta’ komunikazzjoni li ġejjin għal komunikazzjoni kollha u bdil ta' informazzjoni:
   (a) posta jew fax;
   (b) komunikazzjoni bil-fomm, inkluż bit-telefon fir-rigward ta’ komunikazzjoni li mhijiex l-elementi essenzjali ta’ proċedura tal-għoti ta’ konċessjoni, u sakemm il-kontenut tal-komunikazzjoni bil-fomm jiġi dokumentat b’mod suffiċjenti fuq mezz durabbli;
   (ċ) twassil bl-idejn iċċertifikat b’konferma ta’ rċevuta.
(3) Il-mezzi ta’ komunikazzjoni magħżula għandhom ikunu ġeneralment disponibbli u mhux diskriminatorji, u m’għandhomx jirristrinġu l-aċċess tal-operaturi ekonomiċi għall-proċeduri tal-għoti tal-konċessjoni. L-għodod u t-tagħmir li għandhom jintużaw għall-komunikazzjoni permezz ta’ mezzi elettroniċi, kif ukoll il-karatteristiċi tekniċi tagħhom, għandhom ikunu interoperabbli mal-prodotti tat-teknoliġija ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni fl-użu ġenerali.
(4) F’kull komunikazzjoni, skambju u ħżin ta’ informazzjoni, l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti għandhom jiżguraw li l-integrità tad-data u l-kunfidenzjalità tal-applikazzjonijiet u tal-offerti jiġu ppreservati. Huma għandhom jeżaminaw il-kontenut tal-applikazzjonijiet u l-offerti meta l-limitu ta’ żmien għall-preżentazzjoni tagħhom ikun skada u fl-ebda ħin ieħor.
