# L.S. 601.09, regolament 69. Limiti ta’ żmien għall-wasla ta’ applikazzjonijiet u offerti għall-konċessjoni

- URL: https://procurelex.mt/mt/koncessjonijiet/69 · English: https://procurelex.mt/en/concessions/69
- Regolamenti dwar Kuntratti ta’ Konċessjoni (L.S. 601.09), consolidated version in force from 2024-05-17; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.9/mlt

(1) Meta jistipulaw il-limiti ta’ żmien għall-wasla ta’ applikazzjonijiet jew ta’ offerti, l-awtoritajiet jew l-entitajiet kontraenti għandhom jieħdu kont b’mod partikolari tal-kumplessità tal-konċessjoni u ż-żmien meħtieġ għat-tfassil tal-offerti jew tal-applikazzjonijiet mingħajr preġudizzju għal-limiti ta’ żmien minimi stipulat f’dan ir-regolament.
(2) Fejn l-applikazzjonijiet jew l-offerti jistgħu jsiru biss wara żjara fis-sit jew wara spezzjoni fejn jinsabu d-dokumenti li jsostnu d-dokumenti ta’ għoti tal-konċessjoni, il-limiti ta’ żmien għall-wasla tal-applikazzjonijiet għall-konċessjoni jew għall-wasla tal-offerti, għandhom jiġu ffissati sabiex l-operaturi ekonomiċi kollha kkonċernati jkunu jistgħu jsiru konxji dwar l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jipproduċu l-applikazzjonijiet jew l-offerti u, fi kwalunkwe eventwalità għandhom ikunu itwal mil-limiti ta’ żmien minimi stabbiliti fis-subregolamenti (3) u (4).
(3) Il-limitu ta’ żmien minimu għall-wasla tal-applikazzjonijiet irrispettivament minn jekk dawn jinkludux l-offerti għall-konċessjoni, għandu jkun tletin jum mid-data li fiha jkun intbagħat l-avviż għall-konċessjoni.
(4) Fejn il-proċedura sseħħ fi stadji suċċessivi l-limitu minimu ta’ żmien biex jintlaqgħu l-offerti inizjali għandu jkun ta’ tnejn u għoxrin jum mid-data li fiha tintbagħat l-istedina għall-offerta.
(5) Il-limitu ta’ żmien għall-wasla tal-offerti jista’ jitnaqqas b’ħamest ijiem fejn l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti taċċetta li l-offerti jistgħu jiġu ppreżentati b’mezzi elettroniċi f’konformità mad-dispożizzzjonijet tar-regolament 75.
