# L.S. 601.09, regolament 63. Kunfidenzjalità

- URL: https://procurelex.mt/mt/koncessjonijiet/63 · English: https://procurelex.mt/en/concessions/63
- Regolamenti dwar Kuntratti ta’ Konċessjoni (L.S. 601.09), consolidated version in force from 2024-05-17; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.9/mlt

(1) Sakemm ma jiġix previst mod ieħor f’dawn ir-regolamenti jew fid-dritt nazzjonali li għaliha l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti tkun soġġetta, b’mod partikolari leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-aċċess għal informazzjoni, u mingħajr ħsara għall-obbligi relatati mar-reklamar ta’ kuntratti ta’ konċessjoni mogħtija u mal-informazzjoni għal kandidati u offerenti stabbiliti fir-regolamenti 80 u 96, l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti m’għandhiex tiżvela informazzjoni mgħoddija lilha minn operaturi ekonomiċi li huma indikaw bħala kunfidenzjali, inklużi, iżda mhux limitati għal, sigrieti tekniċi jew kummerċjali u l-aspetti kunfidenzjali tal-offerti.
(2) Mingħajr ħsara għal dak imsemmi f'dawn ir-regolamenti, l-informazzjoni li ġejja m'għandhiex tiġi kkunsidrata bħala kunfidenzjali:
   (a) l-isem tal-offerenti u l-ismijiet individwali tal-membri ta’ grupp ta’ operaturi ekonomiċi li jkunu ppreżentaw offerta parikolari;
   (b) l-isem tas-subkuntratturi;
   (ċ) id-dokumentazzjoni ppreżentata operaturi ekonomiċi li tiċċertifika li dawn jikkonformaw mal-kriterji tal-għażla; u
   (d) l-informazzjoni teknika li hija diġà pubblika.
