# L.S. 601.09, regolament 55. Użu ta’ metodu oġġettiv għall-kalkolu tal-valur stmat

- URL: https://procurelex.mt/mt/koncessjonijiet/55 · English: https://procurelex.mt/en/concessions/55
- Regolamenti dwar Kuntratti ta’ Konċessjoni (L.S. 601.09), consolidated version in force from 2024-05-17; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.9/mlt

(1) Il-valur stmat tal-konċessjoni għandu jkun ikkalkulat bl-użu ta' metodu oġġettiv speċifikat fid-dokument ta’ konċessjonijiet. Meta jkunu qegħdin jikkalkolaw il-valur stmat tal-konċessjoni, l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti għandhom, fejn applikabbli, iqisu b’mod partikolari:
   (a) il-valur ta’ kwalunkwe forma ta’ opzjoni u kwalunkwe estensjoni tal-perjodu tal-konċessjoni;
   (b) id-dħul minn ħlasijiet ta’ tariffi u multi mill-utenti tax-xogħlijiet jew servizzi għajr dawk miġbura f’isem l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti;
   (ċ) il-ħlasijiet jew kwalunkwe vantaġġ finanzjarju tkun xi tkun il-forma tagħhom magħmula mill-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti jew kwalunkwe awtorità pubblika oħra lill-konċessjonarju inkluż il-kumpens għall-konformità ma’ obbligu ta’ servizz pubbliku u sussidji ta’ investiment pubbliku;
   (d) il-valur ta’ għotjiet jew ta’ kwalunkwe vantaġġ finanzjarju ieħor tkun xi tkun il-forma tagħhom minn partijiet terzi għat-twettiq tal-konċessjoni;
   (e) id-dħul mill-bejgħ ta’ kwalunkwe assi li jagħmlu parti mill-konċessjoni;
   (f) il-valur tal-provvisti u s-servizzi kollha li jkunu disponibbli lill-konċessjonarju mill-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti, sakemm ikunu neċessarji għall-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet jew l-għoti tas-servizzi;
   (g) kwalunkwe premju jew ħlas lil kandidati jew offerenti.
(2) L-għażla tal-metodu użat għall-kalkolu tal-valur stmat ta’ konċessjoni m’għandhiex issir bl-intenzjoni li tiġi eskluża mill-kamp ta’ dawn ir-regolamenti. Konċessjoni m’għandhiex tkun subdiviża bl-effett li ma titħalliex taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti, sakemm dan ma jkunx ġustifikat b’raġunijiet oġġettivi.
