# L.S. 601.09, regolament 35. Konċessjonijiet li jkopru kemm attivitajiet imsemmija fl-Iskeda 2 kif ukoll attivitajiet li jinvolvu aspetti ta’ difiża jew sigurtà

- URL: https://procurelex.mt/mt/koncessjonijiet/35 · English: https://procurelex.mt/en/concessions/35
- Regolamenti dwar Kuntratti ta’ Konċessjoni (L.S. 601.09), consolidated version in force from 2024-05-17; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.9/mlt

(1) Fil-każ ta’ kuntratti maħsubin biex ikopru diversi attivitajiet, l-entitajiet kontraenti jistgħu jagħżlu li jagħtu kuntratti separati għall-finijiet ta’ kull attività separata jew li jagħtu kuntratt waħdieni. Fejn l-entitajiet kontraenti jagħżlu li jagħtu kuntratt separat, id-deċiżjoni dwar liema regoli għandhom japplikaw għal kwalunkwe wieħed minn dawn il-kuntratti separati, għandha tittieħed fuq il-bażi tal-karatteristiċi tal-attività separata kkonċernata.
(2) Minkejja d-dispożizzzjonijet tar-regolament 33, fejn l-entitajiet kontraenti jagħżlu li jagħtu kuntratt waħdieni, għandhom japplikaw is-subregolamenti (4), (5) u (6).
(3) L-għażla bejn l-għoti ta’ kuntratt waħdieni jew l-għoti ta’ għadd ta’ kuntratti separati m’għandhiex madankollu ssir bl-għan li jiġi eskluż il-kuntratt jew il-kuntratti mill-kamp ta’ applikazzjoni kemm ta’ dan ir-regolament jew ir-Regolamenti dwar l-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi minn Awtoritajiet jew Entitajiet Kontraenti fl-Oqsma tad-Difiża u s-Sigurtà.
(4) Fil-każ ta’ kuntratti maħsubin biex ikopru attività li hija soġġetta għal dawn ir-regolamenti u oħra li tkun -
   (a) koperta bl-Artikolu 346 tat-TFUE; jew
   (b) soġġetta għar-Regolamenti dwar l-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi minn Awtoritajiet jew Entitajiet Kontraenti fl-Oqsma tad-Difiża u s-Sigurtà, l-entità kontraenti tista’:
      (i) tagħti kuntratt mingħajr ma jiġu applikati dawn ir-regolamenti fil-każijiet imniżżlin fil-paragrafu (a); jew
      (ii) tagħti kuntratti jew skont dawn ir-regolamenti jew skont ir-Regolamenti dwar l-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi minn Awtoritajiet jew Entitajiet Kontraenti fl-Oqsma tad-Difiża u s-Sigurtà, fil-każijiet imniżżlin taħt il-paragrafu (b): Iżda dan is-subparagrafu hu mingħajr ħsara għal limiti u esklużjonijiet provduti bir-Regolamenti dwar l-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi minn Awtoritajiet jew Entitajiet Kontraenti fl-Oqsma tad-Difiża u s-Sigurtà.
(5) Kuntratti, kif imsemmija fis-subregolament (4)(b), li jinkludu wkoll akkwist jew elementi oħra li huma koperti bl-Artikolu 346 tat-TFUE, jistgħu jingħataw mingħajr ma jiġu applikati dawn ir-regolamenti.
(6) Madankollu, l-applikazzjoni tas-subregolamenti (4) u (5) hija bil-kundizzjoni li l-għoti ta’ kuntratt waħdieni jkun iġġustifikat għal raġunijiet oġġettivi u d-deċiżjoni li jingħata kuntratt waħdieni ma titteħidx għall-fini li kuntratt jiġi eskluż mill-applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti.
