# L.S. 601.09, regolament 34. Kuntratti li jkopru ż-żewġ attivitajiet imsemmija fl-Iskeda 2 u attivitajiet oħra

- URL: https://procurelex.mt/mt/koncessjonijiet/34 · English: https://procurelex.mt/en/concessions/34
- Regolamenti dwar Kuntratti ta’ Konċessjoni (L.S. 601.09), consolidated version in force from 2024-05-17; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.9/mlt

(1) B’deroga mir-regolamenti 20 sa 26, fil-każ ta’ kuntratti maħsubin biex ikopru diversi attivitajiet, l-entitajiet kontraenti jistgħu jagħżlu li jagħtu kuntratti separati għall-finijiet ta’ kull attività separata jew li jagħtu kuntratt waħdieni. Fejn l-entitajiet kontraenti jagħżlu li jagħtu kuntratt separat, id-deċiżjoni dwar liema regoli għandhom japplikaw għal kwalunkwe wieħed minn dawn il-kuntratti separati, għandha tittieħed fuq il-bażi tal-karatteristiċi tal-attività separata kkonċernata.
(2) Minkejja d-dispożizzzjonijet tar-regolamenti 26 sa 32, fejn l-entitajiet kontraenti jagħżlu li jagħtu kuntratt waħdieni, għandhom japplikaw is-subregolamenti (4) u (5). Madankollu, fejn waħda mill-attivitajiet ikkonċernati tkun koperta mill-Artikolu 346 TFUE jew mir-Regolamenti dwar l-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi minn Awtoritajiet jew Entitajiet Kontraenti fl-Oqsma tad-Difiża u s-Sigurtà, għandu japplika r-regolament 35 ta’ dawn ir-regolamenti.
(3) L-għażla bejn l-għoti ta’ kuntratt waħdieni jew l-għoti ta’ għadd ta’ kuntratti separati m’għandhiex issir bl-għan li jiġi eskluż il-kuntratt jew il-kuntratti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti, fejn applikabbli, mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku u, jew ir-Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali.
(4) Kuntratt li huwa maħsub li jkorpi diversi attivitajiet għandu jkun soġġett għar-regoli applikabbli għall-attività li għaliha huwa jkun maħsub prinċipalment.
(5) Fil-każ ta’ kuntratti li għalihom ikun oġġettivament impossibbli li jiġi ddeterminat għal liema attività huwa jkun maħsub prinċipalment, ir-regoli applikabbli għandhom jiġu ddeterminati skont dan li ġej:
   (a) il-konċessjoni għandha tingħata f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-regolamenti applikabbli għal konċessjonijiet mogħtija minn awtoritajiet kontraenti, jekk waħda mill-attivitajiet li għaliha l-kuntratt ikun maħsub tkun soġġetta għad-dispożizzjonijiet tar-regolamenti applikabbli għal konċessjonijiet mogħtija minn awtoritajiet kontraenti u l-attività l-oħra tkun soġġetta għad-dispożizzjonijiet tar-regolamenti applikabbli għal konċessjonijiet mogħtija minn entitajiet kontraenti;
   (b) il-kuntratt għandu jingħata f’konformità mar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku, jekk waħda mill-attivitajiet li għaliha hu maħsub il-kuntratt tkun soġġetta għal dawn ir-regolamenti u l-oħra għar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku;
   (ċ) il-kuntratt għandu jingħata f’konformità ma’ dawn ir-regolamenti, jekk waħda mill-attivitajiet li għaliha huwa maħsub il-kuntratt hija soġġetta għal dawn ir-regolamenti u l-oħra m’hi soġġetta la għal dan ir-regolament, la għar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku u lanqas għar-Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali.
