# L.S. 601.09, regolament 33. Akkwist ta’ kuntratti mħallta li jinvolvu aspetti ta’difiża u sigurtà

- URL: https://procurelex.mt/mt/koncessjonijiet/33 · English: https://procurelex.mt/en/concessions/33
- Regolamenti dwar Kuntratti ta’ Konċessjoni (L.S. 601.09), consolidated version in force from 2024-05-17; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.9/mlt

(1) Fil-każ ta’ kuntratti mħallta li għandhom bħala s-suġġett tagħhom elementi ta’ konċessjoni koperta minn dawn ir-regolamenti u akkwist jew elementi oħra koperti mill-Artikolu 346 tat-TFUE jew mir-Regolamenti dwar l-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi minn Awtoritajiet jew Entitajiet Kontraenti fl-Oqsma tad-Difiża u s-Sigurtà, dan ir-regolament għandu japplika.
(2) Fil-każ ta’ kuntratti maħsubin biex ikopru diversi attivitajiet, li waħda minnhom tkun soġġetta jew għall-Iskeda 4 ta’ dawn ir-regolamenti jew għar-Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali, u attività oħra tkun koperta mill-Artikolu 346 tat-TFUE jew mir-Regolamenti dwar l-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi minn Awtoritajiet jew Entitajiet Kontraenti fl-Oqsma tad-Difiża u s-Sigurtà, id-dispożizzjonijiet applikabbli għandhom jiġu stabbiliti f’konformità mar-regolament 35 ta’ dawn ir-regolamenti u r-regolament 20 tar-Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali, rispettivament.
(3) Fejn il-partijiet differenti ta’ kuntratt partikolari jkunu oġġettivament separabbli, l-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti jistgħu jagħżlu li jagħtu kuntratti separati lill-partijiet separati jew li jagħtu kuntratt waħdieni.
(4) Fejn l-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti jagħżlu li jagħtu kuntratti separati għal partijiet separati, id-deċiżjoni dwar ir-reġim legali applikabbli għal xi wieħed minn dawk il-kuntratti separati għandha tittieħed abbażi tal-karatteristiċi tal-parti separata konċernata.
(5) Fejn l-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti jagħżlu li jagħtu kuntratt waħdieni, għandhom japplikaw il-kriterji li ġejjin biex tiġi ddeterminata s-sistema legali applikabbli:
   (a) fejn parti minn kuntratt partikolari tkun koperta mill-Artikolu 346 tat-TFUE, jew partijiet differenti jkunu koperti mill-Artikolu 346 tat-TFUE u r-Regolamenti dwar l-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi minn Awtoritajiet jew Entitajiet Kontraenti fl-Oqsma tad-Difiża u s-Sigurtà rispettivament, il-kuntratt għandu jingħata mingħajr ma jiġu applikati dawn ir-regolamenti, dment li l-għoti ta’ kuntratt waħdieni jkun iġġustifikat għal raġunijiet oġġettivi;
   (b) fejn parti minn kuntratt partikolari tkun koperta mir-Regolamenti dwar l-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi minn Awtoritajiet jew Entitajiet Kontraenti fl-Oqsma tad-Difiża u s-Sigurtà, il-kuntratt jista’ jingħata f’konformità ma’ dawn ir-regolamenti jew f’konformità mar-Regolamenti dwar l-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi minn Awtoritajiet jew Entitajiet Kontraenti fl-Oqsma tad-Difiża u s-Sigurtà, dment li l-għoti ta’ kuntratt waħdieni jkun iġġustifikat għal raġunijiet oġġettivi. Iżda Id-deċiżjoni li jingħata kuntratt waħdieni ma għandhiex, madankollu, tittieħed biex teskludi kuntratti mill-applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti jew ir-Regolamenti dwar l-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi minn Awtoritajiet jew Entitajiet Kontraenti fl-Oqsma tad-Difiża u s-Sigurtà.
(6) Fejn l-partijiet differenti ta’ kuntratt partikolari m’humiex separabbli oġġettivament, il-kuntratt jista’ jingħata mingħajr l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti fejn huwa jinkludi elementi li għalihom japplika l-Artikolu 346 TFUE. Inkella l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti tista’ tagħżel li tagħti kuntratt f’konformità ma’ dawn ir-regolamenti jew f’konformità mar-Regolamenti dwar l-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi minn Awtoritajiet jew Entitajiet Kontraenti fl-Oqsma tad-Difiża u s-Sigurtà.
