# L.S. 601.09, regolament 31. Kuntratti li għandhom bħala s-suġġett tagħhom elementi koperti minn dawn ir-regolamenti kif ukoll elementi oħra

- URL: https://procurelex.mt/mt/koncessjonijiet/31 · English: https://procurelex.mt/en/concessions/31
- Regolamenti dwar Kuntratti ta’ Konċessjoni (L.S. 601.09), consolidated version in force from 2024-05-17; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.9/mlt

(1) Fil-każ ta’ kuntratti li għandhom bħala s-suġġett tagħhom elementi koperti minn dawn ir-regolamenti kif ukoll elementi oħra, l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jistgħu jagħżlu li jagħtu kuntratti separati għal partijiet separati. Fejn l-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti jagħżlu li jagħtu kuntratti separati għal partijiet separati, id-deċiżjoni dwar liema sistema legali għandha tapplika għal kwalunkwe wieħed minn dawn il-kuntratti separati, għandha tittieħed fuq il-bażi tal-karatteristiċi tal-parti separata kkonċernata.
(2) Fejn l-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti jagħżlu li jagħtu kuntratt waħdieni, dawn ir-regolamenti għandhom japplikaw, dment li mhux previst mod ieħor fis-subregolament (3) jew fir-regolament 33, għall-kuntratt imħallat li jirriżulta, irrispettivament mill-valur tal-partijiet li b’mod ieħor kienu jaqgħu taħt sistema legali differenti u irrispettivament minn liema sistema legali dawk il-partijiet kienu b’mod ieħor ikunu soġġetti għaliha.
(3) Fil-każ ta’ kuntratti mħallta li fihom elementi ta’ konċessjonijiet kif ukoll elementi ta’ kuntratti pubbliċi koperti mir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku, jew kuntratti koperti bir-Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali, il-kuntratt imħallat għandu jingħata f’konformità mar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku, jew ir-Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali, rispettivament.
