# L.S. 601.09, regolament 23. Ċirkostanzi fejn awtorità kontraenti jew entità kontraenti tista’ tagħti offerta lil korp regolat mil-liġi pubblika li fuqu ma teżerċitax kontroll

- URL: https://procurelex.mt/mt/koncessjonijiet/23 · English: https://procurelex.mt/en/concessions/23
- Regolamenti dwar Kuntratti ta’ Konċessjoni (L.S. 601.09), consolidated version in force from 2024-05-17; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.9/mlt

(1) L-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti kif imsemmi fir-regolament 2(2)(a), li ma teżerċitax kontrol fuq persuna ġuridika irregolat mil-liġi privata jew pubblika fis-sens tar-regolament 22, tista’ madankollu tagħti konċessjoni lil dik il-persuna ġuridika mingħajr ma tapplika dawn ir-regolamenti meta l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu sodisfatti li:
   (a) l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti kif imsemmi fir-regolament 2(2)(a) teżerċita kontroll konġunt ma’ awtoritajiet kontraenti jew entitajiet kontraenti oħra fuq dik il-persuna ġuridika li huwa simili għal dak li huma jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess;
   (b) aktar minn tmenin fil-mija tal-attivitajiet ta’ dik il-persuna ġuridika jitwettqu fil-prestazzjoni tal-kompiti fdati lilha mill-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti ta’ kontroll jew minn persuni ġuridiċi oħra kkontrollati mill-istess awtoritajiet kontraenti jew entitajiet kontraenti; u
   (ċ) m’hemm l-ebda parteċipazzjoni diretta ta’ kapital privat fil-persuna ġuridika kkontrollata bl-eċċezzjoni ta’ forom ta’ parteċipazzjoni ta’ kapital privat li ma jkollhomx dritt ta’ kontroll jew ta’ mblokkar, meħtieġa minn dispożizzjonijet leġislattivi nazzjonali, f’konformità mat-Trattati, li ma jeżerċitawx influwenza deċiżiva fuq il-persuna ġuridika kkontrollata.
(2) Għall-finijiet tas-subregolament (1)(a), awtoritajiet kontraenti jew entitajiet kontraenti kif imsemmi fir-regolament 2(2)(a) jeżerċitaw kontroll konġunt fuq persuna ġuridika fejn il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin huma sodisfatti:
   (a) il-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet tal-persuna ġuridika kkontrollata huma magħmulin minn rappreżentanti tal-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti parteċipanti kollha. Rappreżentanti individwali jistgħu jirrappreżentaw l-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti parteċipanti kollha, jew diversi minnhom;
   (b) dawk l-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti huma kapaċi jeżerċitaw konġuntament influwenza deċiżiva fuq l-għanijiet strateġiċi u d-deċiżjonijiet importanti tal-persuna ġuridika kkontrollata; u
   (ċ) l-entità ġuridika kkontrollata ma jkollha l-ebda interessi li jmorru kontra dawk tal-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti ta’ kontroll.
