# L.S. 601.09, regolament 22. Konċessjonijiet bejn entitajiet fis-settur pubbliku

- URL: https://procurelex.mt/mt/koncessjonijiet/22 · English: https://procurelex.mt/en/concessions/22
- Regolamenti dwar Kuntratti ta’ Konċessjoni (L.S. 601.09), consolidated version in force from 2024-05-17; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.9/mlt

(1) Konċessjoni mogħtija minn awtorità kontraenti jew minn entità kontraenti kif imsemmi fir-regolament 2(2)(a) lil persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat jew pubbliku għandhom jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti fejn il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin huma sodisfatti:
   (a) l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti teżerċita kontroll fuq il-persuna ġuridika kkonċernata li huwa simili għal dak li teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess;
   (b) aktar minn tmenin fil-mija tal-attivitajiet tal-persuna ġuridika kkontrollata jitwettqu fil-prestazzjoni tal-kompiti fdati lilha mill-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti ta’ kontroll jew minn persuni ġuridiċi oħra kkontrollati minn dik l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti; u
   (ċ) m’hemm l-ebda parteċipazzjoni diretta ta’ kapital privat fil-persuna ġuridika kkontrollata bl-eċċezzjoni ta’ forom ta’ parteċipazzjoni ta’ kapital privat li ma jkollhomx dritt ta’ kontroll jew ta’ mblokkar, meħtieġa minn dispożizzjonijet leġislattivi nazzjonali, f’konformità mat-Trattati, li ma jeżerċitawx influwenza deċiżiva fuq il-persuna ġuridika kkontrollata.
(2) Awtorità kontraenti jew entità kontraenti kif imsemmija fir-regolament 2(2)(a) għandha titqies li teżerċita kontroll fuq persuna ġuridika li huwa simili għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess skont is-subregolament(1)(a) meta din teżerċita influwenza deċiżiva fuq iż-żewġ oġġettivi strateġiċi u deċiżjonijiet sinifikanti tal-persuna ġuridika kkontrollata. Dak il-kontroll jista’ jkun ukoll eżerċitat minn persuna ġuridika oħra, li hija stess tkun ikkontrollata bl-istess mod mill-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti.
(3) Is-subregolamenti (1) u (2) japplika wkoll meta persuna ġuridika kkontrollata li hija awtorità kontraenti jew entità kontraenti kif imsemmija fir-regolament 2(2)(a) tagħti konċessjoni lill-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti ta’ kontroll tagħha, jew lil persuna ġuridika oħra kkontrollata mill-istess awtorità kontraenti jew entità kontraenti, dment li ma jkun hemm l-ebda parteċipazzjoni diretta ta’ kapital privat fil-persuna ġuridika li tkun qed tingħata l-konċessjoni bl-bl-eċċezzjoni ta’ forom ta’ parteċipazzjoni ta’ kapital privat li ma jkollhomx dritt ta’ kontroll jew ta’ mblokkar, meħtieġa minn dispożizzjonijet leġislattivi nazzjonali, f’konformità mat-Trattati, li ma jeżerċitawx influwenza deċiżiva fuq il-persuna ġuridika kkontrollata.
