# L.S. 601.09, regolament 2. Interpretazzjoni u skop

- URL: https://procurelex.mt/mt/koncessjonijiet/2 · English: https://procurelex.mt/en/concessions/2
- Regolamenti dwar Kuntratti ta’ Konċessjoni (L.S. 601.09), consolidated version in force from 2024-05-17; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.9/mlt

(1) Għall-finijiet ta’ dawn ir-regolamenti -
"awtoritajiet kontraenti" tfisser awtorità Statali, reġjonali jew lokali, korpi rregolati mil-liġi pubblika, jew assoċjazzjonijiet ifformati minn tali awtorità waħda jew aktar jew tali korp irregolat mil-liġi pubblika wieħed jew aktar għajr dawk l-awtoritajiet, korpi jew assoċjazzjonijiet li jwettqu waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Iskeda 4 u li jagħtu konċessjoni għat-twettiq ta’ waħda minn dawk l-attivitajiet;
"awtoritajiet lokali" tinkludi l-awtoritajiet kollha tal-unitajiet amministrattivi li mhumiex elenkati b’mod eżawrjenti f’NUTS 1 u 2, kif imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 1059/2003;
"awtoritajiet reġjonali" tinkludi l-awtoritajiet kollha tal-unitajiet amministrattivi li mhumiex elenkati b’mod eżawrjenti f’NUTS 1 u 2, kif imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 1059/2003;
"Bord ta’ Reviżjoni dwar il-Kuntratti Pubbliċi" tfisser il-Bord ta’ Reviżjoni dwar il-Kuntratti Pubbliċi kif stabbilit taħt ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku;
"Direttur" tfisser id-Direttur tal-Kuntratti kif stabbilit taħt ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku;
"dokument ta’ konċessjoni" tfisser kwalunkwe dokument prodott jew imsemmi mill-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti biex jiddeskrivu jew jiddeterminaw l-elementi tal-konċessjoni jew il-proċedura, inkluż l-avviż ta’ konċessjoni, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, il-kundizzjonijiet proposti tal-konċessjoni, il-formati għall-preżentazzjoni tad-dokumenti mill-kandidati u l-offerenti, l-informazzjoni dwar obbligi ġeneralment applikabbli u kwalunkwe dokument addizzjonali;
"dritt esklużiv" tfisser dritt mogħti minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru permezz ta’ kwalunkwe liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva ppubblikata li hi kompatibbli mat-Trattati li l-effett tagħha jkun li tillimita l-eżerċizzju ta’ attività għal operatur ekonomiku waħdieni u li taffettwa sostanzjalment l-abbiltà ta’ operaturi ekonomiċi oħra li jwettqu attività bħal din;
"dritt speċjali" tfisser dritt mogħti minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru permezz ta’ kwalunkwe liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva pubblikata li hija kompatibbli mat-Trattati li l-effett tagħha jkun li tillimita l-eżerċizzju ta’ attività għal żewġ operaturi ekonomiċi jew aktar u li taffettwa sostanzjalment l-abbiltà ta’ operaturi ekonomiċi oħra li jwettqu attività bħal din;
"eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet" tfisser l-eżekuzzjoni, jew kemm it-tfassil kif ukoll l-eżekuzzjoni, ta’ xogħlijiet relatati ma’ waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Iskeda 2 jew ta’ biċċa xogħol, jew ir-realizzazzjoni, b’liema mezz li jkun, ta’ biċċa xogħol li tikkorrispondi għar-rekwiżiti speċifikati mill-awtorità kontraenti jew mill-entità kontraenti li teżerċita influwenza deċiżiva fuq it-tip jew it-tfassil tal-biċċa xogħol;
"impriża pubblika" tfisser kwalunkwe impriża li fuqha l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeżerċitaw, direttament jew indirettament, influwenza dominanti bis-saħħa tas-sjieda tagħhom fuqha, il-parteċipazzjoni finanzjarja tagħhom fiha, jew ir-regoli li jirregolawha;
"innovazzjoni" tfisser l-implementazzjoni ta’ prodott, servizz, proċess ġdid jew imtejjeb b’mod sinifikanti, inkluż iżda mhux limitat għall-proċessi ta’ produzzjoni, bini jew kostruzzjoni, ta’ metodu ġdid ta’ kummerċjalizzazzjoni, jew ta’ metodu organizzazzjonali ġdid fil-prattiki tan-negozju, organizzazzjoni tal-post tax-xogħol jew relazzjonijiet esterni li fost oħrajn ikollha l-għan li tgħin biex jissolvew l-isfidi tas-soċjetà jew li tappoġġa l-istrateġija Ewropa 2020.
"kandidat" tfisser operatur ekonomiku li jkun wieġeb għal stedina jew li jkun ġie mistieden jieħu sehem fi proċedura tal-għoti ta’ konċessjoni;
"konċessjonarju" tfisser operatur ekonomiku li jkun ingħata konċessjoni;
"korpi rregolati mil-liġi pubblika" tfisser korp li jkollu l-karatteristiċi kollha li ġejjin:
   (a) huma stabbiliti għall-għan speċifiku li jissodisfaw il-bżonnijiet fl-interess ġenerali, li ma jkollhomx karattru industrijali jew kummerċjali;
   (b) għandhom personalità ġuridika; u
   (ċ) huma ffinanzjati, fil-parti l-kbira, mill-awtoritajiet Statali, reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra rregolati mil-liġi pubblika; jew huma soġġetti għal superviżjoni maniġerjali minn dawk il-korpi jew awtoritajiet; jew għandhom bord amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju, li aktar minn nofs il-membri tiegħu jinħatru mill-Istat, l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra rregolati mil-liġi pubblika.
"konċessjonijiet" tfisser konċessjonijiet ta’ xogħlijiet jew servizzi, kif definit fil-paragrafi (a) u (b) ta’ hawn taħt:
   (a) "konċessjoni ta’ xogħlijiet" tfisser kuntratt bi ħlas miftiehem bil-miktub li permezz tiegħu entità kontraenti jew awtorità kontraenti waħda jew aktar jafdaw l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet lil operatur ekonomiku wieħed jew aktar, meta l-konsiderazzjoni għal din id-delega tikkonsisti unikament fid-dritt ta’ sfruttament tax-xogħlijiet li huma s-suġġett tal-kuntratt jew f’dak id-dritt flimkien ma’ ħlas;
   (b) "konċessjoni ta’ servizzi’ tfisser kuntratt b’interess pekunjarju konkluż bil-miktub, li permezz tiegħu awtorità kontraenti jew entità kontraenti waħda jew aktar tafda l-forniment u l-ġestjoni ta’ servizzi li mhumiex twettiq ta’ xogħlijiet kif imsemmi fil-paragrafu (a) lil operatur ekonomiku wieħed jew aktar, meta l-konsiderazzjoni għal din tkun tikkonsisti unikament fid-dritt ta’ sfruttament tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt jew f’dak id-dritt flimkien ma’ ħlas. L-għoti ta’ konċessjoni ta’ xogħlijiet jew servizzi għandu jinvolvi t-trasferiment lill-konċessjonarju ta’ riskju operattiv fl-isfruttament ta’ dawk ix-xogħlijiet jew servizzi, li jinkludi riskju ta’ domanda jew ta’ disponibbiltà jew tat-tnejn. Il-konċessjonarju għandu jitqies li jassumi r-riskju operattiv, f’kundizzjonijiet ta’ operazzjoni normali, meta ma jkunx garantit li jirkupra l-investimenti magħmula jew l-ispejjeż imġarrba fl-operat tax-xogħlijiet jew is-servizzi li huma s-suġġett tal-konċessjoni. Il-parti tar-riskju ttrasferita lill-konċessjonarju għandha tinvolvi esponiment reali għall-inċertezzi tas-suq, b’tali mod li kwalunkwe telf potenzjali stmat imġarrab mill-konċessjonarju m’għandux ikun biss nominali jew negliġibbli;
"Kumitat ta’ Evalwazzjoni" tfisser Bordijiet jew Kumitati maħtura mid-Direttur bil-għan li jevalwaw offerti riċevuti u sabiex jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwarhom;
"Kumitat tal-Kuntratti Ġenerali" tfisser il-Kumitat tal-Kuntratti Ġenerali kif stabbilit taħt ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku;
"kunflitti ta’ interess" għandu mill-inqas ikopri kwalunkwe sitwazzjoni fejn il-membri tal-persunal tal-awtorità kontraenti jew tal-entità kontraenti li jkunu involuti fit-twettiq tal-proċedura tal-għoti ta’ konċessjoni jew li jistgħu jinfluwenzaw l-eżitu ta’ dik il-proċedura jkollhom, direttament jew indirettament, interess finanzjarju, ekonomiku jew interess personali ieħor li jista’ jitqies bħala li jikkomprometti l-imparzjalità u l-indipendenza tagħhom fil-kuntest tal-proċedura tal-għoti ta’ konċessjoni;
"mezzi elettroniċi" tfisser tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluż il-kompressjoni diġitali) u l-ħażna tad-data, li tiġi trasmessa, imwassla u riċevuta permezz ta’ wajers, bir-radju, b’mezzi ottiċi jew b’mezzi elettromanjetiċi oħra;
"miktub" jew "bil-miktub" tfisser kull espressjoni li tikkonsisti fi kliem jew ċifri li jisgħu jinqraw, jiġu riprodotti jew ikkommunikati wara, inkluża informazzjoni trasmessa u maħżuna permezz ta’ mezzi elettroniċi;
"Ministru" tfisser il-Ministru responsabbli għal finanzi;
"modifika" tfisser kull bidla, varjazzjoni jew emenda tat-termini oriġinali tal-kuntratt inkluż, iżda mhux limitat għal, l-introduzzjoni ta’ kundizzjonijiet u għat-tneħħija jew is-sostituzzjoni ta’ kundizzjonijiet eżistenti;
"offerent" tfisser operatur ekonomiku li ppreżenta offerta;
"operatur ekonomiku" tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, jew entità pubblika, jew grupp ta’ persuni jew entitajiet bħal dawn, inklużi assoċjazzjonijiet temporanji ta’ impriżi, li joffri li jwettaq xogħlijiet u, jew biċċa xogħol, li jipprovdi prodotti jew li jforni servizzi fis-suq;
"pjattaforma tal-akkwist elettoniku tal-gvern" tfisser pjattaforma elettronika li d-Direttur jista’, permezz ta’ ċirkolari, jindika minn żmien għal żmien;
"Tribunal għas-Sanzjonijiet Kummerċjali" tfisser the Tribunal għas-Sanzjonijiet Kummerċjali kif stabbilit taħt ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku;
"TFUE" tfisser it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea 2012/C326/01 inlużi emendi fil-futur tal-imsemmi Trattat;
"xogħol" tfisser l-eżitu tax-xogħlijiet tal-kostruzzjoni u inġinerija ċivili meħuda bħala ħaġa waħda li fiha nnifiha hija suffiċjenti biex taqdi funzjoni ekonomika jew teknika.
(2) Għall-finijiet ta’ dawn ir-regolamenti "entitajiet kontraenti" tfisser entitajiet li jwettqu waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Iskeda 4 u li jagħtu konċessjoni għat-twettiq ta’ waħda minn dawk l-attivitajiet, u li huma waħda minn dawn li ġejjin:
   (a) tfisser awtorità Statali, reġjonali jew lokali, korpi rregolati mil-liġi pubblika jew assoċjazzjonijiet ifformati minn tali awtorità waħda jew aktar jew tali korp irregolat mil-liġi pubblika;
   (b) impriżi pubbliċi;
   (ċ) entitajiet barra minn dawk imsemmija fil-paragrafi (a) u (b) iżda li joperaw abbażi ta’ drittijiet speċjali jew esklużivi, mogħtija għall-eżerċizzju ta’ waħda mill-attivitajiet msemmija fl- fl-Iskeda 4;
   (d) l-entitajiet elenkati fl-Iskeda 1: Iżda l-entitajiet li jkunu ngħataw drittijiet speċjali jew esklużivi permezz ta’ proċedura li fiha tkun ġiet żgurata pubbliċità adegwata u fejn l-għoti ta’ dawk id-drittijiet kien ibbażat fuq kriterji oġġettivi, m’għandhomx jikkostitwixxu "entitajiet kontraenti" fis-sens tal-paragrafu (ċ). Dawn il-proċeduri għandhom jinkludu:
      (i) proċeduri ta’ akkwist b’sejħa minn qabel għal kompetizzjoni b’konformità mar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku, ir-Regolamenti dwar l-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi minn Awtoritajiet jew Entitajiet Kontraenti fl-Oqsma tad-Difiża u s-Sigurtà, dawn ir-regolamenti u r-Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali;
      (ii) proċeduri skont atti legali oħra tal-Unjoni, elenkati fl-Iskeda 5, li jiżguraw trasparenza adegwata minn qabel għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet abbażi ta’ kriterji oġġettivi.
(3) Għall-finijiet tat-tifsira "impriża pubblika", influwenza dominanti min-naħa tal-awtoritajiet kontraenti għandha tkun mistennija fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin li fihom dawk l-awtoritajiet, b’mod dirett jew indirett:
   (a) ikollhom il-maġġoranza tal-kapital sottoskritt tal-impriża;
   (b) jikkontrollaw il-maġġoranza tal-voti li jkollhom l-ishma maħruġin mill-impriża;
   (ċ) ikunu jistgħu jaħtru aktar min-nofs il-korp amministrattiv, maniġerjali, superviżorju tal-impriża.
