# L.S. 601.09, regolament 113. Ineffettività ta’ kuntratt

- URL: https://procurelex.mt/mt/koncessjonijiet/113 · English: https://procurelex.mt/en/concessions/113
- Regolamenti dwar Kuntratti ta’ Konċessjoni (L.S. 601.09), consolidated version in force from 2024-05-17; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.9/mlt

(1) Parti interessata jew offerent jista' jippreżenta rikors quddiem il-Bord ta’ Reviżjoni dwar il-Kuntratti Pubbliċi sabiex jiddikjara l-ineffettività ta’ kuntratt ta’ konċessjoni b’valur stmat li jilħaq jew jaqbeż il-limitu stabbilit fl-Iskeda 3.
(2) Parti interessata tista' titlob biss lill-Bord ta’ Reviżjoni dwar il-Kuntratti Pubbliċi biex tiddikjara l-ineffettività ta’ kuntratt ta’ konċessjoni iffirmat jekk l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti tat kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mingħajr ma dan ikun permissibbli b’konformità mad-Direttiva 2014/23/UE.
(3) Kull offerent jista' jitlob ukoll lill-Bord ta’ Reviżjoni dwar il-Kuntratti Pubbliċi biex jiddikjara kuntratt ineffettiv fiż-żewġ każijiet li ġejjin:
   (a) meta, minkejja li jsir appell quddiem il-Bord ta’ Reviżjoni dwar il-Kuntratti Pubbliċi, l-awtorità kontraenti jew jew l-entità kontraenti tikkonkludi kuntratt qabel ma tingħata d-deċiżjoni finali mill-Bord ta’ Reviżjoni dwar il-Kuntratti Pubbliċi; jew
   (b) meta l-kuntratt ġie konkluż minn awtorità kontraenti jew minn entità kontraenti qabel l-iskadenza tal-perjodu għall-preżentata ta' appell kif provdut fir-regolament 106.
(4) Id-dispożizzjonijiet tas-subregolament (2) m’għandhomx japplikaw fejn:
   (a) l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti tqis li l-għoti ta’ kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huwa permissibbli skont id-Direttiva 2014/24/UE jew id-Direttiva 2014/23/UE;
   (b) l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti tkun ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea avviż kif deskritt fl-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/665 li jesprimi l-intenzjoni tagħha li tikkonkludi l-kuntratt; u
   (ċ) il-kuntratt ma jkunx ġie konkluż qabel l-iskadenza ta’ perjodu ta’ mill-inqas għaxart ijiem kalendarji b’effett mill-jum wara d-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż.
