# L.S. 601.09, regolament 112. Proċedura tal-appell

- URL: https://procurelex.mt/mt/koncessjonijiet/112 · English: https://procurelex.mt/en/concessions/112
- Regolamenti dwar Kuntratti ta’ Konċessjoni (L.S. 601.09), consolidated version in force from 2024-05-17; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.9/mlt

Il-proċedura li għandha tiġi segwita dwar kif jiġu preżentati u deċiżi l-ilmenti kif ukoll il-kundizzjonijiet li taħthom dawk l-ilmenti jistgħu jiġu preżentati għandha tkun kif ġej:
   (a) kull deċiżjoni mill-Kumitat Speċjali tal-Kuntratti jew mill-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti, għandha tkun pubblika billi titwaħħal fuq in-notice board tal-awtorità kontraenti jew tal-entità kontraenti jew billi titella’ fuq il-pjattaforma tal-akkwist elettoniku tal-gvern qabel l-għoti tal-kuntratt;
   (b) l-appell ta’ minn min qed jagħmel l-ilment għandu wkoll jitwaħħal fuq in-notice-board tal-Bord ta’ Reviżjoni dwar il-Kuntratti Pubbliċi u għandu jiġi komunikat bil-fax jew b’xi mezz elettroniku ieħor lill-offerenti li jipparteċipaw;
   (ċ) l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti u kull parti interessata tista’, fi żmien għaxart ijiem kalendarji mill-ġurnata li jitwaħħal l-appell fuq in-notice-board tad-Dipartiment tal-Kuntratti jew tal-awtorità kontraenti jew tal-entità kontraenti, u imtella’, fejn applikabbli, fuq il-pjattaforma tal-akkwist elettoniku tal-gvern, tippreżenta risposta bil-miktub tal-appell. Dawn ir-risposti għandhom ukoll jitwaħħlu fuq notice-board tal-Bord ta’ Reviżjoni dwar il-Kuntratti Pubbliċi u fejn applikabbli għandhom ukoll jittellgħu fuq il-pjattaforma tal-akkwist elettoniku tal-gvern;
   (d) wara li l-proċess ta’ tħejjija jiġi debitament komplut, il-kap tal-awtorità kontraenti jew tal-entità kontraenti għandu jgħaddi liċ-chairman tal-Bord ta’ Reviżjoni fi żmien għaxart ijiem d-dokumentazzjoni kollha li jkollha x’taqsam mas-sejħa għal offerti inkwistjoni inklużi inkartamenti, offerti preżentati, kopji ta’ riċevuti ta’ depożiti u kull ittra li turi l-motivazzjoni;
   (e) is-segretarju tal-bord għandu jinforma lill-parteċipanti kollha s-sejħa għall-offerti, u lill-awtorità kontraenti jew lill-entità kontraenti bid-data jew id-dati, skont il-każ, meta jkun ser jinstema l-appell;
   (f) meta s-seduta tiġi konkluża, il-Bord ta’ Reviżjoni dwar il-Kuntratti Pubbliċi, jekk ma jagħtix d-deċiżjoni fl-istess ġurnata, għandu jirriżerva d-deċiżjoni għall-eqreb data possibbli li għandha tiġi ffisata għal dak il-għan, iżda mhux aktar tard minn sitt gimgħat mill-ġurnata tas-seduta: Iżda għal raġunijiet serji u ġustifikati espressi bil-miktub permezz ta’ ordni notifikat lill-partijiet kollha, il-Bord ta’ Reviżjoni dwar il-Kuntratti Pubbliċi jista’ jipposponi d-deċiżjoni għal aktar tard;
   (g) is-segretarju tal-bord għandu jżomm rekord tal-motivi ta’ kull aġġornament u ta’ dak kollu li jsir f’kull seduta; u
   (h) wara li jevalwa l-evidenza kollha u jikkunsidra s-sottomissjonijiet kollha mressqa mill-partijiet, il-Bord ta’ Reviżjoni dwar il-Kuntratti Pubbliċi għandu jiddeċiedi jekk jaċċettax jew jiċħadx l-appell.
