# L.S. 601.07, regolament 6. Operaturi ekonomiċi

- URL: https://procurelex.mt/mt/difiza/6 · English: https://procurelex.mt/en/defence/6
- Regolamenti dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà (L.S. 601.07), consolidated version in force from 2011-10-25; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.7/mlt

(1) Il-kandidati jew offerenti li, skont il-leġislazzjoni tal-Istat Membru fejn huma stabbiliti, huma awtorizzati jipprovdu s-servizz inkwistjoni, ma jistgħux jiġu rrifjutati biss minħabba fil-fatt li huma kienu obbligati, skont il-leġislazzjoni tal-Istat Membru fejn il-kuntratt huwa allokat, li jkunu jew persuni fiżiċi, jew persuni ġuridiċi: Iżda, għall-kuntratti ta’ servizzi u ta’ xogħlijiet, kif ukoll għall-kuntratti ta’ provvisti li jinkludu, barra minn hekk, servizzi u, jew xogħlijiet ta’ tqegħid u istallazzjoni, il-persuni ġuridiċi jistgħu jkunu obbligati li jindikaw fit-talbiet tagħhom għall-parteċipazzjoni jew fl-offerti tagħhom, l-ismijiet u l-kwalifiki professjonali tal-persunal li jkunu inkarigati mill-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni.
(2) Gruppi ta’ operaturi ekonomiċi jistgħu jitfgħu l-offerti jew joħorġu bħala kandidati. Biex jitfgħu l-offerta jew it-talba għall-parteċipazzjoni, dawn il-gruppi ma jistgħux jintalbu li jkollhom xi forma ġuridika determinata mill-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti; iżda, il-grupp magħżul jista’ jkollu bżonn li jagħmel hekk meta jingħata l-kuntratt, sakemm din il-bidla hija meħtieġa għall-eżekuzzjoni sodisfaċenti tal-kuntratt.
