# L.S. 601.07, regolament 49. Użu ta’ rkantijiet elettroniċi

- URL: https://procurelex.mt/mt/difiza/49 · English: https://procurelex.mt/en/defence/49
- Regolamenti dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà (L.S. 601.07), consolidated version in force from 2011-10-25; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.7/mlt

(1) Id-Direttur jista’ jipprovdi li l-awtoritajiet jew l-entitajiet kontraenti jistgħu jużaw irkantijiet elettroniċi.
(2) Fi proċeduri ristretti jew negozjati bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt, l-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti jistgħu jiddeċiedu li l-għoti ta’ kuntratt għandu jiġi preċedut minn irkant elettroniku meta l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jistgħu jkunu stabbiliti bi preċiżjoni.
(3) Fl-istess ċirkostanzi msemija fis-subregolament (2), irkant elettroniku jista’ jsir meta terġa’ tinfetaħ il-kompetizzjoni bejn il-partijiet fi ftehim qafas kif previst fir-regolament 30(10)(b)(ii).
(4) L-irkant elettroniku għandu jkun ibbażat:
   (a) biss fuq prezzijiet meta l-kuntratt ikun mogħti lill-prezz l-aktar baxx; jew
   (b) fuq prezzijiet u, jew fuq il-valuri ġodda tal-fatturi tal-offerti indikati fid-dokumenti tal-kuntratt meta l-kuntratt ikun mogħti lill-offerta l-aktar vantaġġuża ekonomikament.
(5) L-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti li jiddeċiedu li jorganizzaw irkant elettroniku għandhom jiddikarjaw dak il-fatt fl-avviż tal-kuntratt.
(6) Id-dokumenti tal-kuntratt għandhom jinkludu, inter alia, id-dettalji li ġejjin:
   (a) il-fatturi, il-valuri li għalihom ser ikun is-suġġett tal-irkant elettroniku, sakemm fatturi bħal dawn ikunu kwantifikabbli u jistgħu jkunu espressi f’ċifri jew f’perċentwalijiet;
   (b) kwaluknwe limitazzjoni fuq il-valuri li jistgħu jkunu sottomessi, kif jirriżultaw mill-ispeċifikazzjonijiet li jirrelataw mas-suġġett tal-kuntratt;
   (ċ) it-tagħrif li għandu jsir disponibbli lill-persuni kollha li jagħmlu l-offerti matul l-irkant elettroniku u, fejn ikun xieraq, meta jsir disponibbli għalihom;
   (d) it-tagħrif rilevanti rigward il-proċess ta’ rkant elettroniku;
   (e) il-kondizzjonijiet li bihom min hu interessat jista’ jixħet offerta u, partikolarment, id-differenzi minimi li, fejn xieraq, ikunu meħtieġa meta ssir l-offerta;
   (f) it-tagħrif rilevanti rigward it-tagħmir elettroniku użat u l-arranġamenti u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-konnessjoni.
(7) Qabel jipproċedu b’irkant elettroniku, l-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti għandhom jagħmlu evalwazzjoni inizjali sħiħa tal-offerti skont il-kriterju jew kriterji tal-għotja tal-kuntratt stipulati u mal-ippeżar iffissat għalihom.
(8) Dawk kollha li jkunu ssottomettew offerti ammissibli għandhom ikunu mistiedna fl-istess żmien b’mezzi elettroniċi biex jissottomettu prezzijiet ġodda u, jew valuri ġodda; l-istedina għandu jkollha informazzjoni rilevanti li tikkonċerna konnessjoni individwali mal-apparat elettroniku li jkun qed jiġi użat u għandha ssemmi d-data u l-ħin tal-bidu tal-irkant elettroniku. L-irkant elettroniku jista’ jseħħ f’numru ta’ fażijiet suċċessivi. L-irkant elettroniku ma jistax jibda aktar kmieni minn jumejn ta’ xogħol wara d-data li fiha l-istediniet ikunu ntbagħtu.
(9) Meta l-kuntratt ikun ser jingħata fuq il-bażi tal-offerta l-aktar vantaġġuża ekonomikament, l-istedina għandha tingħata flimkien mar-riżultat ta’ evalwazzjoni sħiħa ta’ min ikun xeħet l-offerta rilevanti, imwettqa skont l-ippeżar stipulat fir-regolament 48(3).
(10) L-istedina għandha ssemmi wkoll il-formula matematika li għandha tintuża fl-irkant elettroniku biex jiġu determinati rankijiet ġodda awtomatiċi fuq il-bażi tal-prezzijiet ġodda u, jew valuri ġodda ppreżentati. Dik il-formula għandha tinkorpora l-ippeżar tal-kriterji kollha ffissati biex tiġi determinata l-offerta l-aktar vantaġġuża ekonomikament, kif indikat fl-avviż tal-kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet; għal dak il-għan, kull medda ta’ valuri, madanakollu, għandha tkun imnaqqsa minn qabel għal valur speċifikat: Iżda fejn ikunu awtorizzati varjanti, għandha tiġi provduta formula separata għal kull varjant.
(11) Matul kull fażi ta’ rkant elettroniku l-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti għandhom minnufih jagħtu lil dawk kollha li jkunu xeħtu offerta għallinqas informazzjoni suffiċjenti biex huma jkunu jistgħu jaċċertaw ir-rankijiet relattivi tagħhom f’kull mument. Huma jistgħu jikkomunikaw ukoll informazzjoni oħra li tikkonċerna prezzijiet jew valuri oħra ppreżentati, sakemm dak ikun iddikjarat fid-dokumenti tal-kuntratt. Huma jistgħu wkoll f’kull żmien iħabbru n-numru ta’ parteċipanti f’dik il-fażi tal-irkant. Madankollu, fl-ebda każ u matul ebda fażi ta’ rkant elettroniku ma jistgħu jikxfu l-identitajiet ta’ dawk li jkunu xeħtu offerta.
(12) L-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti għandhom jagħlqu rkant elettroniku b’mod jew ieħor minn dawn li ġejjin:
   (a) skont id-data u l-ħin iffissati bil-quddiem, kif indikat fl-istedina biex jieħdu parti fl-irkant;
   (b) meta ma jirċevux aktar prezzijiet jew valuri ġodda li jissodisfaw il-ħtiġijiet rigward differenzi minimi. F’dak il-każ l-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti għandhom isemmu fl-istedina għall-parteċipazzjoni fl-irkant iż-żmien li huma jippermettu li jgħaddi wara li jkunu rċevew l-aħħar sottomissjoni qabel l-egħluq tal-irkant elettroniku;
   (ċ) meta n-numru ta’ fażijiet fl-irkant, iffissat fl-istedina biex jieħdu parti fl-irkant, ikun spiċċa.
(13) Meta l-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti jkunu iddeċidew li jagħlqu xi rkant elettroniku skont is-subregolament (12)(ċ), possibilment flimkien mal-arranġamenti mniżżlin fis-subregolament (12)(b), l-istedina biex wieħed jieħu sehem fl-irkant għandha tindika l-kalendarju għal kull fażi tal-irkant.
(14) Wara li jagħlqu rkant elettroniku l-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti għandhom jagħtu l-kuntratt taħt ir-regolament 48 fuq il-bażi tar-riżultati tal-irkant elettroniku.
(15) L-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti ma jistgħux ikollhom rikors mhux xieraq għal irkantijiet elettroniċi u lanqas ma jistgħu jużawhom b’mod li jimpedixxu, jirrestrinġu jew jgħawġu l-kompetizzjoni jew li jbiddlu l-kontentut tas-suġġett tal-kuntratt, kif imqiegħed għal offerta fl-avviz tal-kuntratt ippubblikat u definit fid-dokumenti tal-kuntratt.
