# L.S. 601.07, regolament 43. Kapaċitajiet tekniċi u, jew professjonali

- URL: https://procurelex.mt/mt/difiza/43 · English: https://procurelex.mt/en/defence/43
- Regolamenti dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà (L.S. 601.07), consolidated version in force from 2011-10-25; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.7/mlt

(1) Il-kapaċitajiet tekniċi tal-operaturi ekonomiċi jistgħu, bħala regola ġenerali, jingħataw b’mod wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin, skont in-natura, il-kwantità jew l-importanza, u l-użu tax-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi:
   (a) (i) lista tax-xogħlijiet imwettqa matul l-aħħar ħames snin, li magħha jiġu ppreżentati ċertifikati ta’ eżekuzzjoni tajba għax-xogħlijiet l-aktar importanti. Dawn iċ-ċertifikati għandhom jindikaw il-valur, id-data u l-post ta’ eżekuzzjoni tax-xogħlijiet u għandhom jispeċifikaw jekk dawn twettqux skont ir-regoli tas-sengħa u jekk tlestewx sew; jekk ikun il-każ, l-awtorità kompetenti għandha tibgħat direttament dawn iċ-ċertifikati lill-awtorità jew entità kontraenti; (ii) lista tal-kunsinni prinċipali jew tas-servizzi prinċipali mogħtija, bħala regola ġenerali, matul l-aħħar ħames snin, fejn jiġu indikati l-valur, id-data u d-destinatarju pubbliku jew privat. Għandha tingħata prova tal-kunsinni u s-servizzi mogħtija: - meta d-destinatarju kien awtorità jew entità kontraenti, permezz ta’ ċertifikati maħruġa jew kontrofirmati mill-awtorità kompetenti; - meta d-destinatarju kien xerrej privat, permezz ta’ ċertifikazzjoni tax-xerrej jew, fin-nuqqas ta’ din, sempliċement permezz ta’ dikjarazzjoni tal-operatur ekonomiku;
   (b) l-indikazzjoni tal-persunal tekniku jew tal-korpi tekniċi, kemm jekk ikunu integrati jew le fl-intrapriża tal-operatur ekonomiku, partikolarment dawk li huma responsabbli mill-kontroll tal-kwalità u, fil-każ ta’ kuntratti ta’ xogħlijiet, dawk li ser jirrikorri għalihom il-kuntrattur għall-eżekuzzjoni tax-xogħol;
   (ċ) deskrizzjoni tat-tagħmir tekniku, tal-miżuri użati mill-operatur ekonomiku biex tkun żgurata l-kwalità u l-mezzi ta’ studju u ta’ riċerka tal-intrapriża tiegħu kif ukoll regoli interni dwar il-proprjetà intellettwali;
   (d) kontroll magħmul mill-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti jew, għan-nom tagħhom, permezz ta’ korp uffiċjali kompetenti tal-pajjiż li fih l-operatur ekonomiku huwa stabbilit, suġġett għall-qbil ta’ dan il-korp; fuq il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tal-fornitur jew fuq il-kapaċità teknika tal-operatur ekonomiku u, jekk ikun meħtieġ, fuq il-mezzi ta’ studju u ta’ riċerka li huwa għandu kif ukoll fuq il-miżuri li hu jieħu biex jikkontrolla l-kwalità;
   (e) f’każ ta’ kuntratti ta’ xogħol, kuntratti ta’ servizz jew kuntratti ta’ provvista li jkopru wkoll operazzjonijiet jew servizzi ta’ tqegħid fil-post u istallazzjoni, l-kwalifiki akkademiċi u professjonali tal-operatur ekonomiku u, jew tal-persunal maniġerjali tal-intrapriża u, partikolarment, tal-persuna jew persuni responsabbli mill-provvista tas-servizzi jew mit-tmexxija tax-xogħlijiet;
   (f) għall-kuntratti ta’ xogħlijiet u ta’ servizzi u biss fil-każijiet adegwati, l-indikazzjoni tal-miżuri ta’ ġestjoni ambjentali li l-operatur ekonomiku ser ikun jista’ japplika meta jeżegwixxi l-kuntratt;
   (g) dikjarazzjoni li tindika l-medja annwali ta’ ħaddiema impjegati minn min jipprovdi s-servizzi jew mill-kuntrattur u n-numru tal-persunal maniġerjali matul l-aħħar tliet snin;
   (h) deskrizzjoni tal-għodda, tal-materjal, tat-tagħmir tekniku, in-numru tal-persunal u tal-għarfien tagħhom u, jew tas-sorsi ta’ provvista - b’indikazzjoni tal-post ġeografiku meta dan ikun barra t-territorju tal-Unjoni Ewropea - li l-operatur ekonomiku għandu għad-dispożizzjoni tiegħu biex jeżegwixxi l-kuntratt, ilaħħaq ma’ kwalunkwe ħtieġa ulterjuri tal-awtorità jew entità kontraenti minħabba f’sitwazzjoni ta’ kriżi jew biex iwettaq il-manutenzjoni, il-modernizzazzjoni jew l-adattamenti tal-provvisti koperti mill-kuntratt;
   (i) fir-rigward tal-prodotti li għandhom jiġu fornuti, il-provvista ta’:
      (i) kampjuni, deskrizzjonijiet u, jew ritratti li l-awtentiċità tagħhom għandha tkun tista’ tiġi ċċertifikata fuq talba mill-awtorità jew entità kontraenti;
      (ii) ċertifikati stabbiliti minn istituti jew servizzi uffiċjali responsabbli mill-kontroll tal-kwalità u rikonoxxuti bħala kompetenti, li juru l-konformità tal-prodotti identifikati b’mod ċar permezz ta’ referenzi għal ċerti speċifikazzjonijiet jew standards;
   (j) fil-każ ta’ kuntratti li jinvolvu, jeħtieġu, u, jew fihom informazzjoni kklassifikata, l-evidenza tal-kapaċità ta’ trattament, ħażna u trasmissjoni ta’ din l-informazzjoni fil-livell ta’ protezzjoni mitlub mill-awtorità jew entità kontraenti.
(2) Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fuq livell Komunitarju tas-sistemi nazzjonali ta’ approvazzjoni tas-sigurtà, l-awtoritajiet jew l-entitajiet kontraenti jistgħu jesiġu li din l-evidenza tkun konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom dwar l-approvazzjoni tas-sigurtà. L-awtoritajiet jew entitatijiet kontraenti għandhom jirrikonoxxu l-approvazzjonijiet tas-sigurtà li huma jqisu bħala ekwivalenti għal dawk maħruġa skont il-liġi nazzjonali tagħhom, minkejja l-possibbiltà li jwettqu u jikkunsidraw investigazzjonijiet ulterjuri tagħhom stess jekk dan ikun meqjus neċessarju.
(3) L-awtorità jew entità kontraenti tista’, jekk ikun il-każ, tagħti żmien ulterjuri lill-kandidati li għad m’għandhomx approvazzjoni ta’ sigurtà sabiex jiksbu din l-approvazzjoni. F’dan il-każ, hija għandha tispeċifika din il-possibbiltà u l-limitu ta’ żmien fl-avviż tal-kuntratt.
(4) L-awtorità jew entità kontraenti tista’ titlob lill-awtorità nazzjonali tas-sigurtà tal-Istat Membru tal-kandidat jew lill-awtorità tas-sigurtà maħtura minn dak l-Istat Membru biex tivverifika l-konformità tal-bini u l-faċilitajiet li jistgħu jintużaw, il-proċeduri industrijali u amministrattivi li ser jiġu segwiti, il-metodi ta’ ġestjoni tal-informazzjoni u s-sitwazzjoni tal-persunal li x’aktarx jiġi impjegat għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt.
(5) Operatur ekonomiku jista’, jekk ikun il-każ u għall-kuntratt determinat, jistma l-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħrajn, tkun xi tkun in-natura ġuridika tar-rabtiet li jeżistu bejnu u dawn l-entitajiet. Huwa għandu, f’dan il-każ, jagħti prova lill-awtorità jew entità kontraenti li, għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt, huwa ser ikollu l-mezzi neċessarji, pereżempju, billi jippreżenta impenn minn dawn l-entitajiet biex iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-operatur ekonomiku l-mezzi meħtieġa.
(6) Bl-istess kondizzjonijiet, grupp ta’ operaturi ekonomiċi msemmi fir-regolament 6 jista’ jserraħ fuq il-kapaċitajiet tal-parteċipanti fil-konsorzju jew ta’ entitajiet oħrajn.
(7) Fil-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti li għandhom bħala s-suġġett provvisti li jeħtieġu xogħlijiet ta’ tqegħid, twaħħil jew istallazzjoni, il-provvista ta’ servizzi u, jew l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet, il-kapaċità tal-operaturi ekonomiċi li jipprovdu s-servizzi jew li jwettqu l-istallazzjoni jew ix-xogħlijiet tista’ tkun evalwata notevolment skont il-kapaċitajiet, l-effikaċja, l-esperjenza u l-affidabilità tagħhom.
(8) L-awtorità jew entità kontraenti għandha tispeċifika fl-avviż liema mir-referenzi msemmija fis-subregolament (1) hija tkun għażlet u liema referenzi oħra jridu jingħataw.
(9) F’każ li, għal raġuni ġustifikata, l-operatur ekonomiku mhuwiex fil-pożizzjoni li jipproduċi r-referenzi mitluba mill-awtorità jew entità kontraenti, huwa jista’ jagħti prova tal-kapaċità teknika u, jew professjonali tiegħu permezz ta’ kwalunkwe dokument ieħor meqjus adegwat mill-awtorità kontraenti.
