# L.S. 601.07, regolament 38. Il-kontenut tar-rapporti

- URL: https://procurelex.mt/mt/difiza/38 · English: https://procurelex.mt/en/defence/38
- Regolamenti dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà (L.S. 601.07), consolidated version in force from 2011-10-25; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.7/mlt

(1) Għal kull kuntratt u kull ftehim qafas, l-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti għandhom ifasslu rapport bil-miktub biex jikkonfermaw li l-proċedura tal-għażla twettqet b’mod trasparenti u mhux diskriminatorju, li jinkludi mill-inqas:
   (a) l-isem u l-indirizz tal-awtorità jew entità kontraenti u s-suġġett u l-valur tal-kuntratt jew tal-ftehim qafas;
   (b) il-proċedura tal-għoti magħżula;
   (ċ) fil-każ ta’ djalogu kompetittiv, iċ-ċirkostanzi li jiġġustifikaw l-użu ta’ din il-proċedura;
   (d) f’każ ta’ proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt, iċ-ċirkostanzi msemmija fir-regolament 29 li jiġġustifikaw ir-rikors għal din il-proċedura; jekk ikun il-każ, ġustifikazzjoni tar-raġunijiet li għalihom inqabeż iż-żmien stipulat fir-regolament 29(c)(i) u fir-regolament 29(d)(ii) u tar-raġunijiet li għalihom inqabeż il-limitu ta’ 50% stipulat fir-regolament 29(d)(i);
   (e) jekk ikun il-każ, ir-raġunijiet li jiġġustifikaw ftehim qafas itwal minn seba’ snin;
   (f) l-isem tal-kandidati magħżula u r-raġuni għall-għażla tagħhom;
   (g) l-isem tal-kandidati esklużi u r-raġunijiet għar-rifjut tagħhom;
   (h) ir-raġunijiet li għalihom ma ntgħażlux l-offerti;
   (i) l-isem ta’ min jingħata l-kuntratt u l-ġustifikazzjoni għall-għażla tal-offerta tiegħu, kif ukoll, jekk tkun magħrufa, il-parti tal-kuntratt jew tal-ftehim qafas li min ingħata l-kuntratt bi ħsiebu, jew ser ikun marbut, jagħti bħala subkuntratt lil terzi;
   (j) jekk ikun il-każ, ir-raġunijiet għaliex l-awtorità jew entità kontraenti rrifjutat li tagħti kuntratt jew ftehim qafas.
(2) L-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jiddokumentaw il-progress tal-proċeduri tal-għoti b’mezzi elettroniċi.
(3) L-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, fuq talba tagħha, ir-rapport, jew l-elementi ewlenin tiegħu.
