# L.S. 601.07, regolament 36. Informazzjoni għall-kandidati u għal offerenti

- URL: https://procurelex.mt/mt/difiza/36 · English: https://procurelex.mt/en/defence/36
- Regolamenti dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà (L.S. 601.07), consolidated version in force from 2011-10-25; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.7/mlt

(1) L-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti għandhom jinformaw fl-iqsar żmien lill-kandidati u lill-offerenti bid-deċiżjonijiet meħuda dwar l-għoti ta’ kuntratt jew il-konklużjoni ta’ ftehim qafas, inklużi r-raġunijiet li għalihom huma ddeċidew li jirrifjutaw li jagħtu kuntratt jew li jikkonkludu ftehim qafas li għalih kien hemm sejħa kompetittiva għall-offerti, u li jibdew il-proċedura mill-ġdid; dik l-informazzjoni għandha tingħata bil-miktub fuq talba lill-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti.
(2) Fuq talba tal-parti kkonċernata, l-awtorità jew entità kontraenti għandha, bla ħsara għas-subregolament (3) u fl-iqsar żmien u mhux aktar tard minn ħmistax-il jum mill-wasla tat-talba bil-miktub għal informazzjoni, tinforma lill-partijiet b’li ġej:
   (a) lil kwalunkwe kandidat li ma ntgħażilx, ir-raġunijiet għar-rifjut tal-applikazzjoni tiegħu;
   (b) lil kwalunkwe offerent li ma ntgħażilx, ir-raġunijiet għar-rifjut tal-offerta tiegħu, inklużi, b’mod partikolari, fil-każijiet imsemmija fir-regolament 19(4) u (5), ir-raġunijiet tad-deċiżjoni tagħha ta’ nuqqas ta’ ekwivalenza jew tad-deċiżjoni tagħha li x-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi ma jissodisfawx ir-rekwiżiti funzjonali jew ta’ rendimenti u, fil-każijiet imsemmija fir-regolamenti 23 u 24, ir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tas-sigurtà tal-informazzjoni u s-sigurtà tal-provvista;
   (ċ) lil kwalunkwe offerent li għamel offerta ammissibbli u li ma ġietx milqugħa, il-karatteristiċi u l-vantaġġi rilevanti tal-offerta magħżula kif ukoll l-isem ta’ min ingħata l-kuntratt jew tal-partijiet għall-ftehim qafas.
(3) L-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti jistgħu jiddeċiedu li ma jikkomunikawx ċertu tagħrif dwar l-għoti tal-kuntratti jew il-konklużjoni tal-ftehim qafas, imsemmija fis-subregolament (1), meta l-iżvelar tiegħu jkun ta’ ostaklu għall-applikazzjoni tal-liġijiet jew imur kontra l-interess pubbliku, l-aktar l-interessi ta’ difiża u, jew ta’ sigurtà, ikun ta’ ħsara għall-interessi kummerċjali leġittimi ta’ operaturi ekonomiċi kemm pubbliċi kif ukoll privati jew jista’ jagħmel ħsara lill-kompetizzjoni ġusta bejniethom.
