# L.S. 601.07, regolament 33. Forma u mod kif jiġu ppubblikati l-avviżi

- URL: https://procurelex.mt/mt/difiza/33 · English: https://procurelex.mt/en/defence/33
- Regolamenti dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà (L.S. 601.07), consolidated version in force from 2011-10-25; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.7/mlt

(1) L-avviżi għandhom jinkludu l-informazzjoni msemmija fl-Iskeda III u, skont il-każ, kwalunkwe tagħrif ieħor meqjus utli mill-awtorità jew entità kontraenti skont il-format tal-formoli standard adottati mill-Kummissjoni konformement mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 67(2) tad-Direttiva 2009/81/EC tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(2) L-avviżi mibgħuta mill-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti lill-Kummissjoni għandhom jintbagħtu jew b’mezzi elettroniċi konformement mal-format u mal-proċeduri ta’ trasmissjoni stabbiliti fil-punt 3 tal-Iskeda V, jew b’mezzi oħrajn. Fil-każ ta’ użu tal-proċedura aċċellerata prevista fir-regolament 34(9), l-avviżi għandhom jintbagħtu jew bil-fax, jew b’mezzi elettroniċi, konformement mal-format u mal-proċeduri ta’ trasmissjoni stabbiliti fil-punt 3 fl-Iskeda V.
(3) L-avviżi għandhom jiġu ppubblikati konformement mal-karatteristiċi tekniċi ta’ pubblikazzjoni indikati fil-punt 1(a) u (b) fl-Iskeda V.
(4) L-avviżi mħejjija u mibgħuta b’mezzi elettroniċi konformement mal-format u mal-proċeduri ta’ trasmissjoni stabbiliti fil-punt 3 tal-Iskeda V, għandhom jiġu ppubblikati sa mhux aktar tard minn ħamest ijiem wara li jintbagħtu.
(5) L-avviżi li ma jintbagħtux b’mezzi elettroniċi, konformement mal-format u mal-proċeduri ta’ trasmissjoni stabbiliti fil-punt 3 fl-Iskeda V, għandhom jiġu ppubblikati sa mhux aktar tard minn tnax-il jum wara li jintbagħtu jew, fil-każ tal-proċedura aċċellerata msemmija fir-regolament 34(9), sa mhux aktar tard minn hamest ijiem wara li jintbagħtu.
(6) L-avviżi ta’ kuntratt għandhom jiġu ppubblikati in extenso fil-lingwa Ingliża li tikkostitwixxi l-uniku test awtentiku. Rapport qasir tal-informazzjoni importanti f’kull avviż għandu jiġi ppubblikat fil-lingwi uffiċjali l-oħra.
(7) L-avviżi u l-kontenut tagħhom ma jistgħux jiġu ppubblikati mill-awtoritajiet kompetenti jew entitajiet fil-profil tax-xerrej qabel id-data li fiha jintbagħtu lill-Kummissjoni.
(8) L-avviżi ppubblikati fil-livell nazzjonali m’għandux ikun fihom tagħrif ieħor minbarra dak fl-avviżi mibgħuta lill-Kummissjoni jew pubblikati fuq profil tax-xerrej bi qbil mar-regolament 31(1)(a), iżda għandhom isemmu d-data ta’ meta l-avviż intbagħat lill-Kummissjoni jew il-pubblikazzjoni tiegħu fuq il-profil tax-xerrej.
(9) Avviżi ta’ informazzjoni minn qabel ma jistgħux jiġu ppubblikati fi profil tax-xerrej qabel ma jintbagħat avviż lill-Kummissjoni dwar il-pubblikazzjoni tagħhom f’dik il-forma; huma għandhom jiddikarjaw id-data ta’ meta ntbagħtu.
(10) Il-kontenut tal-avviżi li ma jintbagħtux b’mezzi elettroniċi konformement mal-format u mal-proċeduri ta’ trasmissjoni stabbiliti fil-punt 3 tal-Iskeda V, għandu jkun limitat għal madwar 650 kelma.
(11) L-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti għandhom ikunu jistgħu juru l-prova tad-data meta ntbagħtu l-avviżi.
(12) Il-Kummissjoni għandha tagħti konferma lill-awtorità jew entità kontraenti tal-pubblikazzjoni tal-informazzjoni mibgħuta fejn tissemma d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Din il-konferma għandha tikkostitiwixxi prova ta’ pubblikazzjoni.
