# L.S. 601.07, regolament 29. Każijiet li jiġġustifikaw l-użu tal-proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt

- URL: https://procurelex.mt/mt/difiza/29 · English: https://procurelex.mt/en/defence/29
- Regolamenti dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà (L.S. 601.07), consolidated version in force from 2011-10-25; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.7/mlt

L-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti jistgħu jagħtu kuntratti permezz ta’ proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt u għandhom jiġġustifikaw l-użu ta’ din il-proċedura fl-avviż tal-għoti tal-kuntratt kif meħtieġ fir-regolament 31(3) fil-każijiet li ġejjin:
   (a) għal kuntratti ta’ xogħlijiet, kuntratti ta’ provvista u kuntratti ta’ servizzi:
      (i) meta ma jkunux ġew sottomessi offerti jew offerti xierqa jew applikazzjonijiet b’reazzjoni għal proċedura ristretta, għal proċedura negozjata b’pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt jew għal djalogu kompetittiv, sakemm il-kondizzjonijiet inizjali ta’ kuntratt ma jkunux mibdula sostanzjalment u bil-kondizzjoni li jinbagħat rapport lill-Kummissjoni fuq talba tagħha;
      (ii) fil-każ ta’ offerti irregolari jew fil-każ ta’ preżentazzjoni ta’ offerti li ma jkunux aċċettabli skont id-disposizzjonijiet nazzjonali kompatibbli mar-regolamenti 6, 20, 22 sa 25 u l-Kapitolu VII tat-Taqsima II, b’reazzjoni għal proċedura ristretta jew għal proċedura negozjata b’pubblikazzjoni jew djalogu kompetittiv sakemm: 1. it-termini oriġinali tal-kuntratt ma jkunux mibdula sostanzjalment, u 2. jinkludu fil-proċedura negozjata lill-offerenti kollha, u huma biss, li jkunu ssodisfaw il-kriterji mir-regolamenti 40 sa 47 u li, matul id-djalogu kompetittiv jew il-proċedura ristretta preċedenti, ikunu ppreżentaw offerti skont ir-rekwiżiti formali tal-proċedura tal-offerti;
      (iii) meta urġenza li tirriżulta minn sitwazzjonijiet ta’ kriżi ma tkunx kompatibbli mal-perijodi stabbiliti għall-proċeduri ristretti u negozjati bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt, inklużi l-perjodi mqassra msemmija fir-regolament 34(9). Dan jista’ japplika pereżempju fil-każijiet imsemmija fir-regolament 24(1)(d);
      (iv) safejn ikun strettament neċessarju meta, għal raġunijiet ta’ urġenza estrema b’riżultat ta’ ġrajjiet mhux mistennija mill-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti involuti, il-limitu ta’ żmien għal proċeduri ristretti jew innegozjati bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt, inklużi l-limiti ta’ żmien imqassra kif imsemmija fir-regolament 34(7), ma jkunux jistgħu jiġu rrispettati. Iċ-ċirkonstanzi invokati bħala ġustifikazzjoni ta’ urġenza estrema m’għandhom bl-ebda mod ikunu attribwibbli lill-awtorità jew entità kontraenti;
      (v) meta, minħabba f’raġunijiet tekniċi jew relatati mal-protezzjoni ta’ drittijiet ta’ esklużività, il-kuntratt jista’ jingħata biss lil operatur ekonomiku ddeterminat;
   (b) għal kuntratti ta’ servizzi u ta’ provvisti:
      (i) għal servizzi ta’ riċerka u żvilupp minbarra dawk imsemmija fir-regolament 14;
      (ii) għal prodotti mmanifatturati unikament għall-finijiet ta’ riċerka u żvilupp, ħlief għall-produzzjoni fi kwantitajiet immirati biex tkun stabbilita l-vijabbiltà kummerċjali jew biex ikunu mifdija l-ispejjeż tar-riċerka u l-iżvilupp;
   (ċ) għal kuntratti ta’ provvisti:
      (i) għall-kunsinni addizzjonali li jsiru mill-fornitur inizjali u maħsuba jew għas-sostituzzjoni parzjali ta’ provvisti jew istallazzjonijiet ta’ użu kurrenti, jew għall-estensjoni ta’ provvisti jew istallazzjonijiet eżistenti, meta l-bidla ta’ fornitur tobbliga lill-awtorità jew entità kontraenti biex takkwista materjal b’karatteristiċi tekniċi differenti li jwassal għal nuqqas ta’ kompatibbiltà jew diffikultajiet tekniċi sproporzjonati fl-użu u fil-manutenzjoni: Iżda t-tul ta’ żmien ta’ tali kuntratti, kif ukoll tal-kuntratti li jistgħu jiġġeddu, ma jistax jeċċedi l-ħames snin, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali determinati billi tingħata konsiderazzjoni lit-tul tas-servizz mistenni ta’ kwalunkwe oġġett, istallazzjoni jew sistema mwassal, u tad-diffikultajiet tekniċi li l-bidla fil-fornitur tista’ toħloq;
      (ii) għal provvisti kkwotati u mixtrija f’suq tal-oġġetti għall-użu fid-dar;
      (iii) għax-xiri ta’ provvisti b’termini partikolarment vantaġġużi, jew mingħand fornitur li definittivament ikun ser jagħlaq l-attivitajiet ta’ negozju tiegħu jew minn riċevituri jew likwidaturi ta’ xi falliment finanzjarju, arranġament ma’ kreditur, jew proċedura simili skont regolamenti jew liġijiet nazzjonali;
   (d) għal kuntratti ta’ xogħlijiet u kuntratti ta’ servizz:
      (i) għax-xogħlijiet jew is-servizzi addizzjonali li ma jidhrux fil-proġett ippjanat fil-bidu u lanqas fil-kuntratt inizjali u li jsiru meħtieġa, wara ċirkostanza mhux prevista, għall-eżekuzzjoni tax-xogħol jew tas-servizz kif inhu deskritt, bil-kondizzjoni li l-għoti jingħata lill-operatur ekonomiku li jagħmel tali xogħol jew servizz: 1. meta dawn ix-xogħlijiet jew is-servizzi addizzjonali ma jistgħux teknikament jew ekonomikament ikunu sseparati mill-kuntratt inizjali mingħajr inkonvenjent kbir għall-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti, jew 2. meta tali xogħlijiet jew servizzi, għalkemm ikunu separabbli mill-eżekuzzjoni tal-kuntratt inizjali, ikunu strettament meħtieġa għat-titjib tiegħu: Iżda l-valur kumulattiv ta’ kuntratti mogħtija għal xogħlijiet addizzjonali jew servizzi ma jistax jeċċedi l-50% tal-ammont tal-kuntratt oriġinali;
      (ii) għal xogħlijiet jew servizzi ġodda li jikkonsistu fir-ripetizzjoni ta’ xogħlijiet jew servizzi simili mogħtija lill-operatur ekonomiku li jkun ingħata l-kuntratt inizjali mill-istess awtoritajiet jew entitajiet kontraenti, bil-kondizzjoni li tali xogħlijiet jew servizzi jkunu konformi ma’ proġett bażiku u li dan il-proġett kien is-suġġett ta’ kuntratt inizjali mogħti skont il-proċedura ristretta, il-proċedura negozjata bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt jew id-djalogu kompetittiv: Iżda hekk kif issir is-sejħa kompetittiva fir-rigward tal-ewwel proġett, għandha tiġi żvelata l-possibbiltà tal-proċedura negozjata mingħajr il-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt, u l-ammont totali stmat għal xogħlijiet jew servizzi sussegwenti għandu jkun ikkunsidrat mill-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti għall-applikazzjoni tar-regolament 9: Iżda wkoll ma jistax isir użu ta’ din il-proċedura ħlief matul il-perjodu ta’ ħames snin wara t-tmiem tal-kuntratt inizjali, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali determinati billi jitqiesu t-tul tas-servizz mistenni ta’ kull oġġett, istallazzjoni jew sistema mwassla, u d-diffikultajiet tekniċi li l-bidla fil-fornitur tista’ toħloq;
   (e) għal kuntratti relatati mal-forniment ta’ servizzi tat-trasport bl-ajru jew bil-baħar għall-forzi armati jew għall-forzi tas-sigurtà ta’ Malta użati jew li ser jintużaw barra mit-territorju tagħhom, meta l-awtorità jew entità kontraenti jkollha tixtri dawn is-servizzi minn operaturi ekonomiċi li jiggarantixxu l-validità tal-offerti tagħhom biss għal perjodi tant qosra li l-limitu ta’ żmien għall-proċedura ristretta jew għall-proċedura negozjata bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt, inklużi l-limiti ta’ żmien imqassra kif imsemmi fir-regolament 34(9), ma jkunux jistgħu jiġu rrispettati.
