# L.S. 601.07, regolament 28. Djalogu kompetittiv

- URL: https://procurelex.mt/mt/difiza/28 · English: https://procurelex.mt/en/defence/28
- Regolamenti dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà (L.S. 601.07), consolidated version in force from 2011-10-25; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.7/mlt

(1) Fil-każ ta’ kuntratti partikolarment kumplessi, fejn l-awtoritajiet kontraenti jikkunsidraw li l-użu tal-proċedura ristretta jew il-proċedura nnegozjata mal-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt ma jippermettix l-għoti tal-kuntratt, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jirrikorru għad-djalogu kompetittiv konformement ma’ dan ir-regolament: Iżda l-għoti tal-kuntratt għandu jsir fuq il-bażi waħdanija tal-kriterju tal-għoti tal-offerta li tkun l-aktar ekonomikament vantaġġjuża.
(2) L-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti għandhom jippubblikaw avviż ta’ kuntratt li fih jistabbilixxu l-ħtiġiet u r-rekwiżiti tagħhom, li għandhom jiddefinixxu f’dan l-istess avviż u, jew f’dokument ta’ spjegazzjoni.
(3) L-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti għandhom jibdew djalogu, flimkien mal-kandidati magħżula konformement mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-regolamenti 39 sa 47, bil-għan tal-identifikazzjoni u tad-definizzjoni tal-mezzi l-aktar xierqa biex jissodisfaw il-ħtiġiet tagħhom. Matul dan id-djalogu jistgħu jiddiskutu l-aspetti kollha tal-kuntratt mal-kandidati magħżula.
(4) Matul id-djalogu, l-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti għandhom jiżguraw l-ugwaljanza ta’ trattament fost l-offerenti. B’mod partikolari, m’għandhomx jagħtu, b’mod diskriminatorju, informazzjoni li tista’ tiffavorixxi wħud mill-offerenti fuq oħrajn.
(5) L-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti ma jistgħux jiżvelaw lill-parteċipanti l-oħrajn is-soluzzjonijiet proposti jew informazzjoni kunfidenzjali oħra komunikata minn kandidat li jkun qiegħed jipparteċipa fid-djalogu mingħajr il-qbil ta’ dak il-kandidat.
(6) L-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti jistgħu jipprevedu li l-proċedura ssir f’fażijiet suċċessivi b’mod li jitnaqqas in-numru ta’ soluzzjonijiet li għandhom jiġu diskussi matul il-fażi tad-djalogu billi jiġu applikati l-kriterji tal-għoti stipulati fl-avviż ta’ kuntratt jew fid-dokument ta’ spjegazzjoni. L-użu ta’ din il-fakultà għandu jkun indikat fl-avviż ta’ kuntratt jew fid-dokument ta’ spjegazzjoni.
(7) L-awtorità jew entità kontraenti għandha tkompli dan id-djalogu sakemm tkun tista’ tidentifika s-soluzzjoni jew is-soluzzjonijiet, jekk ikun neċessarju wara li tkun qabblithom, li aktarx ikunu jikkorrispondu għall-ħtiġiet tagħha.
(8) Wara li jkunu ddikjaraw li d-djalogu ngħalaq u jkunu informaw lill-parteċipanti b’dan, l-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti għandhom jistednuhom biex jerġgħu jippreżentaw l-offerta finali tagħhom abbażi tas-soluzzjoni jew is-soluzzjonijiet ippreżentati u speċifikati matul id-djalogu. Dawn l-offerti għandu jkollhom fihom l-elementi kollha mitluba u meħtieġa għat-twettiq tal-proġett.
(9) Fuq talba tal-awtorità jew entità kontraenti, dawn l-offerti jistgħu jkunu kkjarifikati, ippreċiżati u mtejba. Madankollu, dawn id-dettalji, il-kjarifiki, it-titjib jew l-informazzjoni addizzjonali ma jistgħux jirriżultaw fi bdil tal-elementi fundamentali tal-offerta jew tas-sejħa għal offerta, fejn il-varjazzjoni aktarx toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni jew ikollha effett diskriminatorju.
(10) L-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti għandhom jevalwaw l-offerti rċevuti skont il-kriterji tal-għoti stipulati fl-avviż ta’ kuntratt jew fid-dokument ta’ spjegazzjoni u jagħżlu l-offerta l-aktar ekonomikament vantaġġjuża konformement mar-regolament 48.
(11) Fuq talba tal-awtorità jew entità kontraenti, l-offerent li jiġi identifikat bħala dak li għamel l-offerta l-aktar ekonomikament vantaġġjuża jista’ jintalab jikkjarifika aspetti tal-offerta tiegħu jew jikkonferma l-impenji li jidhru fiha, bil-kondizzjoni li tali kjarifika ma tirriżultax fil-bdil ta’ elementi sostanzjali tal-offerta jew tas-sejħa għal offerti u ma twassalx għal riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni jew tikkawża xi diskriminazzjoni.
(12) L-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti jistgħu jispeċifikaw prezzijiet jew ħlasijiet lill-parteċipanti fid-djalogu.
