# L.S. 601.07, regolament 27. Proċedura negozjata bil-publikkazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt

- URL: https://procurelex.mt/mt/difiza/27 · English: https://procurelex.mt/en/defence/27
- Regolamenti dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà (L.S. 601.07), consolidated version in force from 2011-10-25; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.7/mlt

(1) Fil-proċeduri negozjati bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt, l-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti għandhom jinnegozjaw l-offerti flimkien mal-offerent sabiex jiġu adattati għar-rekwiżiti li huma jkunu indikaw fl-avviż ta’ kuntratt, fid-dokumenti tal-kuntratt u fid-dokumenti ta’ sostenn, jekk ikun hemm, u sabiex jiddeterminaw l-aħjar offerta konformement mar-reglament 48.
(2) Matul in-negozjati, l-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti għandhom jiżguraw l-ugwaljanza ta’ trattament bejn l-offerenti kollha. B’mod partikolari, m’għandhomx jagħtu, b’mod diskriminatorju, informazzjoni li tista’ tagħti vantaġġ lil uħud mill-offerenti fuq oħrajn.
(3) L-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti jistgħu jipprevedu li l-proċedura negozjata ssir f’fażijiet suċċessivi sabiex jitnaqqas in-numru ta’ offerti li jridu jiġu nnegozjati billi japplikaw il-kriterji tal-għoti stipulati fl-avviż ta’ kuntratt jew fid-dokumenti tal-kuntratt. L-avviż ta’ kuntratt jew id-dokumenti tal-kuntratt għandhom jindikaw jekk sarx jew le użu minn din il-fakultà.
