# L.S. 601.07, regolament 23. Sigurtà tal-informazzjoni

- URL: https://procurelex.mt/mt/difiza/23 · English: https://procurelex.mt/en/defence/23
- Regolamenti dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà (L.S. 601.07), consolidated version in force from 2011-10-25; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.7/mlt

Fejn il-kuntratti jinvolvu, jeħtieġu u, jew jinkludu informazzjoni klassifikata, l-awtorità jew entità kontraenti għandha tippreċiża fid-dokumentazzjoni tal-kuntratt (fl-avviżi ta’ kuntratt, fid-dokumenti tal-kuntratt, fid-dokumenti ta’ spjegazzjoni jew id-dokumenti ta’ sostenn) il-miżuri u l-esiġenzi kollha meħtieġa sabiex tkun żgurata s-sigurtà ta’ din l-informazzjoni fil-livell meħtieġ. Għal dan il-għan, l-awtorità jew entità kontraenti tista’ tirrikjedi li l-offerta tinkludi, inter alia, d-dettalji li ġejjin:
   (a) impenn mill-offerent u mis-subkuntratturi diġà identifikati li jissalvagwardjaw b’mod xieraq il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kklassifikata kollha fil-pussess tagħhom jew li tiġi nnotifikata lilhom waqt it-tul tal-kuntratt u wara t-tmiem jew il-konklużjoni tal-kuntratt, skont il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi relevanti;
   (b) impenn mill-offerent li jikseb l-impenn previst fil-paragrafu (a) mis-subkuntratturi l-oħra li ser jissubkuntratta waqt l-eżekuzzjoni tal-kuntratt;
   (ċ) informazzjoni suffiċjenti dwar is-subkuntratturi diġà identifikati, sabiex l-awtorità jew entità kontraenti tkun tista’ tiddetermina li kull wieħed minnhom għandu l-kapaċitajiet meħtieġa biex jissalvagwardja b’mod xieraq il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kklassifikata li għaliha jkollu aċċess jew li jkun meħtieġ jipproduċi fit-twettiq tal-attivitajiet subkuntrattati;
   (d) impenn mill-offerent li jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa fil-paragrafu (b) dwar kwalunkwe subkuntrattur ġdid qabel ma jagħtihom subkuntratt. Iżda l-miżuri u r-rekwiżiti msemmijin fil-paragrafu (b) għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-approvazzjoni tas-sigurtà.
