# L.S. 601.07, regolament 14. Esklużjonijiet speċifiċi

- URL: https://procurelex.mt/mt/difiza/14 · English: https://procurelex.mt/en/defence/14
- Regolamenti dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà (L.S. 601.07), consolidated version in force from 2011-10-25; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.7/mlt

Dawn ir-regolamenti m’għandhomx japplikaw għal dawn li ġejjin:
   (a) kuntratti li għalihom l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti tobbliga l-awtoritajiet kompetenti li jgħaddu informazzjoni li l-iżvelar tagħha huma jqisu kuntrarja għall-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-pajjiż;
   (b) kuntratti għall attivitajiet tas-servizzi sigrieti;
   (ċ) kuntratti mogħtija fil-qafas ta’ programm ta’ koperazzjoni bbażat fuq ir-riċerka u l-iżvilupp li jsir b’mod konġunt bejn Malta u għall-inqas Stat Membr għall-iżvilupp ta’ prodott ġdid u, fejn applikabbli, l-aħħar fażi tal-partijiet kollha jew ta’ partijiet miċ-ċiklu tal-ħajja ta’ dan il-prodott. Meta jkun konkluż programm koperattiv bħal dan bejn Malta u Stati Membri biss, l-Istati Membri għandhom jindikaw lill-Kummissjoni s-sehem tal-ispejjeż ta’ riċerka u żvilupp relattivi għall-ispiża globali tal-programm, il-ftehim tal-qsim ta’ spejjeż kif ukoll is-sehem maħsub ta’ xiri għal kull Stat Membru, jekk ikun il-każ;
   (d) kuntratti mogħtija f’pajjiż terz, inklużi xiri għal skopijiet ċivili, li jsir meta jkunu skjerati forzi militari barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea, fejn ħtiġiet operattivi jitolbu li dawn ikunu konklużi ma’ operaturi ekonomiċi li jinsabu fiż-żona tal-operazzjonijiet;
   (e) kuntratti ta’ servizzi li għandhom bħala għan l-akkwist jew il-kiri, ikunu xi jkunu l-arranġamenti finanzjarji, ta’ artijiet, bini eżistenti jew beni immobiljari oħra jew li jikkonċernaw drittijiet fuq dawn il-beni;
   (f) kuntratti mogħtija mill-Gvern ta’ Malta lil gvern ieħor dwar:
      (i) il-provvista ta’ tagħmir militari jew tagħmir sensittiv, jew
      (ii) xogħlijiet u servizzi direttament marbuta ma’ dan it-tagħmir, jew
      (iii) xogħlijiet u servizzi speċifikament għal skopijiet militari, jew xogħlijiet sensittivi u servizzi sensittivi;
   (g) servizzi ta’ arbitraġġ u ta’ konċiljazzjoni;
   (h) servizzi finanzjarji, bl-eċċezzjoni ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni;
   (i) kuntratti ta’ impjieg;
   (j) servizzi ta’ riċerka u żvilupp minbarra dawk fejn il-benefiċċji tagħhom ikunu esklużivament tal-awtorità jew entità kontraenti għall-użu tagħha fl-eżerċizzju tal-attività proprja tagħha dment li l-provvista tas-servizz tkun imħallsa b’mod sħiħ mill-awtorità jew entità kontraenti.
