# L.S. 601.07, regolament 10. Metodi ta’ kalkolu tal-valur stmat ta’ kuntratt u ta’ ftehim qafas

- URL: https://procurelex.mt/mt/difiza/10 · English: https://procurelex.mt/en/defence/10
- Regolamenti dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà (L.S. 601.07), consolidated version in force from 2011-10-25; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.7/mlt

(1) Il-kalkolu tal-valur stmat ta’ kuntratt huwa bbażat fuq l-ammont totali li għandu jitħallas, eskluża l-VAT, stmat mill-awtorità jew entità kontraenti. Dan il-kalkolu għandu jieħu konsiderazzjoni tal-ammont kollu stmat, inkluża kwalunkwe forma eventwali ta’ għażla u t-tiġdid eventwali tal-kuntratt, u fejn applikabbli prezzijiet u pagamenti provduti lill-kandidati jew offerenti.
(2) Din l-istima għandha tkun valida fil-mument ta’ meta jintbagħat l-avviż ta’ kuntratt, kif speċifikat fir-regolament 33(2) jew, fil-każijiet fejn avviż bħal dan ma jkunx meħtieġ, fil-mument meta l-awtorità jew entità kontraenti tibda l-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt.
(3) L-ebda proġett ta’ xogħol jew xiri propost biex jikseb ċerta kwantità ta’ provvisti u, jew ta’ servizzi ma jista’ jkun maqsum biex joħloq kuntratti essenzjalment identiċi, separati u parżjali jew b’mod ieħor imqassam sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti għalih.
(4) Għall-kuntratti ta’ xogħlijiet, il-kalkolu tal-valur stmat għandu jieħu konsiderazzjoni tal-ammont tax-xogħlijiet kif ukoll il-valur totali stmat tal-provvista meħtieġa għall-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-kuntrattur mill-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti.
(5) Fejn xogħol propost jew xiri propost ta’ servizzi jista’ jirriżulta fl-għoti ta’ kuntratti fl-istess ħin fil-forma ta’ lottijiet separati, għandu jitqies il-valur totali stmat tat-totalità ta’ dawn il-lottijiet.
(6) Meta l-valur kumulattiv tal-lottijiet huwa ugwali jew jeċċedi l-limitu previst fir-regolament 9, dawn ir-regolamenti għandhom japplikaw għall-għoti ta’ kwalunkwe lott: Iżda l-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti jistgħu jidderogaw l-applikazzjoni ta’ dan is-subregolament fir-rigward ta’ lottijiet li l-valur stmat tagħhom eskluża l-VAT huwa inqas minn EUR 80,000 għas-servizzi u EUR 1,000,000 għax-xogħlijiet u sakemm l-ammont kumulattiv ta’ dawn il-lottijiet ma jeċċedix l-20% tal-valur kumulattiv tat-totalità tal-lottijiet.
(7) Fejn proposta ta’ akkwist ta’ provvisti simili tista’ tagħti lok għal kuntratti mogħtija fl-istess ħin minn lottijiet separati, il-valur stmat tat-totalità ta’ dawn il-lottijiet għandu jitqies għall-applikazzjoni tar-regolament 9(1)(a) u (b).
(8) Meta l-valur kumulattiv tal-lottijiet huwa ugwali jew jeċċedi l-limitu previst fir-regolament 9, dawn ir-regolamenti għandhom japplikaw għall-għoti ta’ kwalunkwe lott: Iżda l-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti jistgħu jidderogaw minn din l-applikazzjoni għal lottijiet li l-valur stmat tagħhom eskluża l-VAT huwa inqas minn EUR 80,000 u sakemm l-ammont kumulattiv ta’ dawn il-lottijiet ma jeċċedix l-20% tal-valur kumulattiv tat-totalità tal-lottijiet.
(9) Għall-kuntratti ta’ provvisti li għandhom bħala suġġett il-leasing, il-kiri jew il-hire purchase ta’ prodotti, il-valur li għandu jittieħed bħala bażi għall-kalkolu tal-valur stmat tal-kuntratt huwa li ġej:
   (a) fil-każ ta’ kuntratti b’perijodu determinat, meta dan huwa ugwali jew inqas minn għaxar snin, il-valur totali stmat għall-perijodu tal-kuntratt jew, meta l-perijodu tal-kuntratt huwa iktar minn għaxar snin, il-valur totali inkluż l-ammont stmat tal-valur residwu;
   (b) fil-każ ta’ kuntratti b’perijodu mhux determinat jew fejn id-determinazzjoni tal-perijodu tagħhom ma tistax tkun definita, il-valur mensili immultiplikat bi 48.
(10) Meta dan jikkonċerna kuntratti ta’ provvisti jew ta’ servizzi regolari jew maħsuba biex ikunu mġedda matul perijodu stipulat, bħala bażi għall-kalkolu tal-valur stmat tal-kuntratti għandu jiġi meqjus:
   (a) il-valur totali attwali tal-kuntratti suċċessivi tal-istess tip mogħtija matul it-tnax-il xahar preċedenti jew fis-sena finanzjarja aġġustata, jekk possibbli, biex jitqiesu l-bidliet fil-kwantità jew valur li jistgħu jseħħu fil-kors tat-tnax-il xahar wara l-kuntratt inizjali; jew
   (b) il-valur totali stmat tal-kuntratti suċċessivi mogħtija matul it-tnax-il xahar wara l-ewwel kunsinna jew matul is-sena finanzjarja jekk dan huwa iktar minn tnax-il xahar: Iżda l-għażla tal-metodu għall-kalkolu tal-valur stmat ta’ kuntratt ma tistax issir bl-intenzjoni li tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti.
(11) Għall-kuntratti ta’ servizzi, il-valur li għandu jittieħed bħala bażi għall-kalkolu tal-valur stmat tal-kuntratt huwa, jekk ikun il-każ, dan li ġej:
   (a) għas-servizzi li ġejjin:
      (i) servizzi ta’ assigurazzjoni: il-premium pagabbli u forom oħra ta’ remunerazzjoni;
      (ii) kuntratti ta’ disinn: onorarji, kummissjonijiet pagabbli u modi oħrajn ta’ remunerazzjoni;
   (b) għall-kuntratti ta’ servizzi li ma jindikawx prezz totali:
      (i) fil-każ ta’ kuntratti li għandhom perijodu determinat, sakemm dan huwa ugwali jew inqas minn tmienja u erbgħin xahar: il-valur totali għall-perijodu kollu tagħhom;
      (ii) fil-każ ta’ kuntratti li għandhom perijodu mhux stipulat jew iktar minn tmienja u erbgħin xahar: il-valur ta’ kwalunkwe xahar immultiplikat bi 48.
(12) Għall-ftehim qafas, il-valur li jrid jiġi kkunsidrat huwa l-valur massimu stmat eskluża l-VAT tal-kuntratti kollha maħsuba matul it-total tal-perijodu tal-ftehim qafas.
